festubru 2010: Tradizzjoni, Ikel u Folklor
pr1704
22/09/2010
| Waqt | konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret f’Wied il-Lunzjata, u li ġiet indirizzata mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono u mill-President ta’ l-Għaqda Mużikali San Girgor ta’ Kerċem, Dr. Joshua Grech, thabbar li għat-tieni sena konsekuttiva, l-Għaqda Mużikali San Girgor se torganizza edizzjoni oħra tal-festival Festubru bejn il-Ġimgħa l-1 u l-Ħadd, 3 ta’ Ottubru 2010. Dan il-festival, li hu mmirat li jattira familji u nies ta’ kull età, ser jiġi organizzat fl-inħawi tal-wied pittoresk tal-Lunzjata, ftit passi ‘l bogħod mill-Belt Victoria u r-raħal ta’ Kerċem. |
| Il-Ministru għal Għawdex faħħret l-inizjattiva ta’ | din l-għaqda, hekk kif wara s-suċċess miksub fl-ewwel edizzjoni, il-Kumitat organizzattiv se jerġa’ jippreżenta lill-poplu Għawdxi kif ukoll lill-Maltin u t-turisti li se jżuru Għawdex matul dawk il-jiem, programm mimli b’attivitajiet u attrazzjonijiet marbuta mat-tradizzjoni, ikel u folklor Għawdxi. |
| Il-Ministru Giovanna Debono żiedet tgħid li minbarra | li ser jesponi l-karatteristiċi tradizzjonali ewlenin li jagħtu lil Għawdex identità distinta, dan il-festival se jservi bħala attrazzjoni addizzjonali fil-gżira. Hija spjegat kif il-Ministeru għal Għawdex jippromwovi u jsostni dawn l-attivitajiet, li jimxu id f’id mal-kuntest tal-viżjoni eko-Għawdex li fost l-oħrajn tħares il-konservazzjoni tal-wirt tradizzjonali u naturali, filwaqt li tassigura żvilupp sostenibbli għal gżira ta’ Għawdex. |
| Waqt din | il-konferenza, ngħataw dettalji dwar il-programm li ser ikun organizzat matul tliet ijiem. L-attivitajiet ser jiftħu l-Ġimgħa filgħodu permezz ta’ żjarat informattivi għat-tfal ta’ l-iskejjel madwar Wied il-Lunzjata. Filgħaxija, il-wied se joffri arja folkloristika permezz tal-ftuħ tat-taverna ta’ l-inbid fl-isfond tad-daqq tal-mandolina u strumenti oħra tradizzjonali. Maġenb l-għajn storika u sinonima ma’ dan il-Wied, ser tittellgħa serata letterarja minn diversi poeti, kittieba u awturi Għawdxin. |
| Is-Sibt, | il-programm jiftaħ permezz ta’ mixja mal-Wied li se tkun tinkludi tour informattiv dwar l-inħawi. Ma’ nżul ix-xemx imbagħad il-wied se joffri atmosfera differenti permezz ta’ mixgħela tal-fjakkli. Bħala post marbut partikolarment mal-Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann, dawk preżenti se jkunu jistgħu jmorru lura fiż-żmien permezz ta’ parata militari li takkumpanja d-dħul tal-Gran Mastru Perellos fil-Wied tal-Lunzjata. |
| Aktar | tard, il-grupp Centre Stage Academy se joffri spettaklu ta’ mużika u żfin fuq il-palk prinċipali. Dritt wara, l-Astra Folk Group se janimaw l-inħawi permezz ta’ żfin u daqq folkloristiku. Fl-istess waqt diversi għannejja lokali jkunu qed itellgħu serata ta’ għana tradizzjonali akkumpanjati minn kitarristi u daqqaqa. |
| Il-ġurnata tal-Ħadd tkun imżewqa minn lat ieħor | tal-ħajja tradizzjonali – il-logħba endemika tal-Brilli, kif ukoll attività mużiko-letterarja u djaletti lokali imtellgħa minn Vers Agħtini. F’nofsinhar, se tiġi organizzata ikla tradizzjonali Għawdxija karatterizzata minn platti tipiċi. Aktar tard, se jingħata spettaklu permezz ta’ diversi għasafar tal-priża, fosthom il-Falkun li permezz tiegħu l-Kavallieri kienu jikkaċċjaw fil-Wied tal-Lunzjata. Lejn tmien il-jum, is-serata tiġi animata permezz ta’ daqq ta’ strumenti etniċi mill-grupp folkloristiku Ta’ Verna. |
| Barra | minnhekk, it-tlett ijiem tal-festival se jkunu mżewqin b’diversi attrazzjonijiet fosthom wirjiet ta’ għodod, bhejjem u snajja’ tradizzjonali fosthom il-proċess fil-produzzjoni tal-ġbejniet friski u l-insiġ permezz tas-suf tan-nagħaġ. Ser tingħata wkoll l-opportunità li wieħed ikun jista’ jakkwista prodotti lokali u ħxejjex friski kif ukoll ikel tipiku Għawdxi. Il-Kappella ċentenarja tal-Lunzjata se tkun miftuħa matul it-tlett ijiem tal-festival fejn anke ser jiġi ċċelebrat il-quddies. |
| Dan il-festival qed jittella’ bil-kollaborazzjoni | tal-Ministeru għal Għawdex fid-dawl tal-viżjoni Eko-Għawdex. Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb minn fuq is-sit www.bandasangirgor.org jew permezz ta’ Festubru fuq Facebook, jew help desk 99246047 / festubru@bandasangirgor.org |
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990