INKOMPLU NOĦOLQU L-AMBJENT IDEALI GĦAN-NEGOZJI TAGĦNA
Ix-xogħol huwa priorità ewlenija fil-ħidma tal-Gvern. Dan joħroġ ċar minn politika li permezz ta’ qafas ta’ skemi u inċentivi, toħloq l-ambjent ideali biex fih jitkattar l-investiment, u b’hekk jikbru n-negozji. Dan huwa l-ħsieb wara inizjattiva oħra tal-Gvern maħsuba biex tinkoraġġixxi n-negozju u l-intraprenditorija f’pajjiżna, anke fiċ-ċentri tal-lokalitajiet tagħna.
Illum is-Segretarju Parlamentari għal Negozji Żgħar u Artijiet Jason Azzopardi flimkien mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika Chris Said, nedew it-tieni edizzjoni tal-Premjijiet Nazzjonali għall-Appoġġ lill-Intrapriża, maħsuba proprju biex jinkoraġġixxu Kunsilli Lokali u Entitajiet oħrajn li jwettqu inizjattivi li joħolqu ambjent li fih jimraħ in-negozju.
Jason Azzopardi qal li l-Gvern jemmen f’politika li toħloq qafas li jagħti opportunitajiet importanti lill-operaturi u l-SMEs ta’ pajjiżna. Frott ta’ konsultazzjoni kostanti man-negozjanti żgħar u s-self employed tagħna, il-Gvern minn sena għall-oħra joħloq u jsostni miżuri u inċentivi iddisinjati li jsostnu dan is-settur. Dan l-ambjent il-Gvern huwa kommess li jkompli jtejbu wkoll permezz ta’ liġi li tkun twieġeb aħjar għall-ħtiġijiet tas-settur illum. Dawn il-bidliet li ser iġib miegħu l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar ser ipoġġu lill-operaturi SME tagħna fiċ-ċentru tal-attenzjoni.
Dan l-ambjent ideali li jrid ikompli joħloq il-Gvern jestendi wkoll sal-lokalitajiet u ċ-ċentri tal-ibliet u l-irħula tagħna, mingħajr esklużjoni. Il-Gvern jinkoraġġixxi Kunsilli Lokali u entitajiet li joħolqu inizjattivi li jinkoraġġixxu n-negozju. Mod ieħor kif il-Gvern iwettaq dan l-inkoraġġiment b’mod konkret qed jitniehed illum, b’din il-kompetizzjoni għall-Premjijiet Nazzjonali għall-Appoġġ lill-Intrapriża.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Chris Said qal li l-Kunsilli Lokali għandhom l-obbligu li jgħinu lis-settur kummerċjali fil-lokalitajiet rispettivi għax b’hekk ikunu qed jgħinu lill-komunità li jirrappreżentaw. Meta n-negozji jmorru tajjeb, joħolqu l-impjiegi u l-konsumatur jinqeda mill-ħtiġijiet li jkollu. Fit-tiġdid tal-Kunsilli Lokali, dawn ingħataw ir-responsabbiltà li jaħdmu biex isaħħu s-sens imprenditorjali fil-komunità, li jaħdmu id f’id mal-komunità kummerċjali, li jiffaċiltaw il-ħidma tan-negozji u li jaħdmu biex itejbu ċ-ċentri tal-lokalitajiet fejn aktarx ikunu miġbura n-negozji ewlenin.
Chris Said sostna li ħadd daqs il-Kunsilli Lokali ma jaf ir-realtajiet tal-lokalitajiet u l-komunitajiet li jirrappreżentaw. Għaldaqstant il-Gvern qed jgħaddilhom l-għodda biex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom. Dawn jinkludu skemi ta’ finanzjament biex isiru proġetti infrastrutturali importanti bħal toroq u tisbiħ taċ-ċentri storiċi u kummerċjali, kif ukoll għajnuna biex jiġu organizzati attivitajiet li minnhom innifishom jgħinu u jżidu n-negozju.
Il-Premjijiet Nazzjonali għall-Appoġġ lill-Intrapriża huma r-riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn it-Taqsima tal-Kummerċ flimkien mad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. Dawn huma l-fażi nazzjonali li twassal għall-European Enterprise Awards.
Għal dawn l-awards hemm żewġ kategoriji: waħda għall-Kunsilli Lokali u l-oħra miftuħa għall-Awtoritajiet Pubbliċi, Organizzazzjonijiet Nazzjonali, Sħubiji Pubbliċi u Privati, Programmi Edukattivi, u Organizzazzjonijiet għan-Negozju. Fiż-żewġ każi, l-għan huwa li jiġi rrikonoxxut l-isforz biex itejjeb u jinkoraġġixxi l-intrapriża, kemm fil-lokalità, kif ukoll fuq skala nazzjonali.
Kunsilli Lokali u entitajiet oħra jistgħu jieħdu sehem billi jissottomettu proġetti li huma jkunu wettqu li permezz tagħhom jinkoraġġixxu l-intrapriża.
Il-kategoriji għall-proġetti huma kif ġejjin:
- Il-promozzjoni ta’ l-ispirtu intraprenditorjali
- Investiment fil-ħiliet
- Titjieb tal-ambjent għan-negozju
- Sostenn għall-internazzjonalizzazzjoni tan-negozju
- Intraprenditorija li tkun responsabbli u inklussiva
Ir-rebbieħa jintgħażlu minn bord tal-għażla magħmul minn uffiċjali pubbliċi maħtura mid-dipartimenti konċernati, u fuq il-kriterji ta’ oriġinalità, impatt li l-proġett ikollu fuq l-ekonomija lokali, u kif il-proġett ikun għen fit-titjib tar-relazzjonijiet bejn stakeholders relatati.
Fil-kategorija tal-Kunsilli Lokali l-ewwel premju huwa ta’ €30,000, it-tieni premju huwa ta’ €20,000, fil-waqt li jkun hemm 6 premjijiet oħra ta’ €5,000. Fil-kategorija tal-entitajiet l-oħra, l-ewwel premju huwa ta’ €30,000, u t-tieni premju huwa ta’ €20,000.
Il-Proġetti jistgħu jigu sottomessi sal-15 ta’ Ottubru. F’Diċembru ssir il-preżentazzjoni tal-Awards uffiċjali, u jiġu mħabbra l-proġetti li jirrappreżentaw lil Malta fil-European Enterprise Awards.
Intant nhar il-Ħamis 16 ta’ Settembru ser issir laqgħa ta’ informazzjoni għal dawk kollha interessati li jieħdu sehem. Din il-laqgħa ser tkun indirizzata mill-uffiċjali taż-żewġ dipartimenti konċernati, u ser issir fl-uffiċċju tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar fid-9:30am.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990