Left arrow Mur Lura

RAPPORT JIKKONKLUDI LI FL-EWWEL TLIET SNIN TAS-SĦUBIJA MALTA RNEXXIELHA TONFOQ AKTAR FONDI EWROPEJ MILLI ORIĠINARJAMENT INGĦATAWLHA

pr1631
Date Icon 06/09/2010

Ir-rapport finali ‘Malta Single Programming Document 2004-2006’, dwar l-użu tal-Fondi Strutturali allokati għal Malta mill-Unjoni Ewropea għall-ewwel tliet snin tas-sħubija juri li Malta rnexxielha tonfoq il-100 fil-mija tal-fondi allokati lilha. Barra minn hekk, il-miri stabbiliti għall-ħolqien tax-xogħol u t-taħriġ tal-ħaddiema, taħt il-program EQUAL, inqabżu sostanzjalment.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsultazzjoni Pubblika, l-Onor. Chris Said meta żar il-Park Nazzjonali tas-Salini lejliet it-tieni serata tal-mE&U Fest 2010 li se ssir l-Erbgħa filgħaxija u li hi organizzata mid-Dipartiment għall-Ippjanar u l-Koordinazzjoni tal-Prioritajiet (PPCD) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.


Ir-rapporti finali dwar l-użu tal-fondi Ewropej bejn l-2004 u l-2007 tlestew u kienu ppreżentati fil-ġimgħat li għaddew. Dawn ir-rapporti juru li:

  • Malta ma tilfet l-ebda fondi;
  • Użat il-massimu tal-fondi li kellha għad-dispożizzjoni;
  • Taħt il-Fond Reġjonali għall-Iżvilupp Ewropew (ERDF), Malta utliizzat 1.3 miljun ewro aktar mill-allokazzjoni oriġinali

Barra minn hekk f’erba’ proġetti li saru taħt il-program EQUAL:

  • 459 ruħ inghataw tahrig minflok il-100 ppjanati oriġinarjament;
  • Instabu impjiegi għal 130 ruħ minflok il-45 li kienu ppjanati oriġinarjament;
  • Infethu 9 negozji żgħar minflok il-ħamsa li kienu ppjanati oriġinarjament.


Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fisser dawn ir-riżultati bħala ċertifikat eċċellenti għal Malta għax tat eżempju lill-pajjiżi oħra li mhux l-ewwel darba li tilfu ammont mill-fondi allokati lilhom mill-Unjoni Ewropea.  Hu qal ukoll li dawn ir-riżultati huma garanzija għall-futur għaliex Malta baqgħet u għadha qed timplimenta l-istess sistemi u strateġiji fl-użu tal-fondi Ewropej, anki għall-perijodu bejn l-2007 u l-2013.


Fl-ewwel għaxar snin tas-sħubija fl-UE, Malta se tkun kisbet xejn anqas minn €1.3 biljun. Chris Said qal li filwaqt li l-UE ma tfissirx flus biss, l-użu tajjeb u effiċjenti ta’ dawn il-flus jagħmel id-differenza fil-kwalita’ tal-ħajja li ngħixu. ‘Bil-finanzjament miksub mill-UE pajjiżna rnexxielu jpoġġi sisien sodi tant li permezz tagħhom żammejna l-pass anki meta faqqgħet l-agħar kriżi finanzjarja dinjija fi kważi 80 sena. Meta f’pajjiżi oħra kienu qed jintilfu l-postijiet tax-xogħol, f’Malta rnexxielna nibqgħu nattiraw l-investiment u noħolqu impjiegi ġodda filwaqt li individwi intraprendenti baqgħu jfittxu li jiftħu impjiegi għal rashom. Meta pajjiżi oħra żiedu t-taxxi, f’pajjiżna bqajna għaddejjin kif konna. Mhux talli hekk, talli fl-2008 stajna nnaqqsu it-taxxa fuq id-dħul għat-tielet sena konsekuttiva.’

Is-Segretarju Parlamentari Said fakkar li fil-ħames snin li għaddew rajna titjib sostanzjali fl-infrastruttura tal-pajjiż b’kilometri sħaħ ta’ toroq arterjali. Bil-fondi mill-Unjoni Ewropea ittieħdu l-passi neċessarji u immedjati biex ingħalqu l-miżbliet, saru engineered landfills, inbnew impjanti għall-ħażna ta’ skart riċiklabbli u oħrajn għat-trattament tad-drenaġġ, eluf ta’ studenti kisbu boroż ta’ studju jew intbagħtu għal perijodi ta’ żmien biex jistudjaw f’istituzzjonijiet barra minn Malta, mijiet ta’ intrapriżi ngħataw għajnuna biex jirristrutturaw u jsiru aktar effiċjenti. U b’hekk komplew jinħolqu aktar impjiegi.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar l-inizjattiva tal-PPCD fl-organizzazzjoni tal-mE&U fest. Hu qal li l-attivita’ li saret nhar il-Ħadd li għadda fil-Munxar kienet suċċess u ħeġġeġ lill-Maltin biex jattendu għat-tieni serata tal-attivita’ li se ssir fil-Park Nazzjonali tas-Salini fit-8 ta’ Settembru mill-5pm ‘il quddiem.

Matul il-mE&U fest, il-pubbliku jkollu l-opportunita’ jikseb tagħrif dwar il-benefiċċji li qed igawdi l-poplu Malti u Għawdxi mill-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 permezz tal-Fondi Strutturali. Dan se jsir permezz ta’ preżentazzjonijiet u wirjiet interattivi ta’ uħud mill-proġetti li qed jitwettqu bħalissa taħt iż-żewġ Programmi Operattivi – Politka ta’ Koeżjoni 2007-2013. Chiara, il-band popolari Texanna, animazzjoni u maġija, u żfin ballroom se joħolqu briju għal dawk kollha preżenti.

Min jixtieq aktar tagħrif dwar il-Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013, jista’ jikkuntattja lil PPCD permezz tas-servizz ta’ għajnuna online: info.ppcd@gov.mt

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow