STANDARD DWAR L-IMMANIĠĠJAR U S-SIGURTA’ F’ŻONI PUBBLIĊI TA’ RIKREAZZJONI GĦALL-KONSULTAZZJONI
L-Awtorita’ Maltija għall-iStandards (Malta Standards Authority – MSA) nediet Abbozz ta’ Atandard ġdid dwar l-immaniġġjar u s-sigurta’ f’zoni pubbliċi ta’ rikreazzjoni. L-Abbozz jinsab għall-konsultazzjoni. Dan hu l-ewwel standard tax-xorta tiegħu fl-Ewropa għaliex ma jkoprix biss tagħmir speċifiku iżda wkoll l-immaniġġjar ġenerali tal-istess żoni ta’ rikreazzjoni.
Id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Ġnien John Borg f’Birkirkara u li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta Chris Said u miċ-Chairman tal-MSA Francis E. Farrugia. Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku ta’ Birkirkara Michael Fenech Adami.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said fisser iż-żoni pubbliċi ta’ rikreazzjoni bħala essenzjali għall-iżvog tal-individwi fis-soċjeta’ tal-lum. Dawn l-ispazji, li fis-snin li għaddew sar investiment qawwi fihom kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Kunsilli Lokali, jintużaw kemm minn tfal kif ukoll minn adulti. F’ċerti zoni pubbliċi qed ikun installat ukoll tagħmir tal-gyms u għaldaqstant qed jattiraw aktar minn qatt qabel żgħażagħ u adulti.
Chris Said qal li għaldaqstant hu essenzjali li z-zoni pubbliċi ta’ rikreazzjoni jkunu aċċessibbli, ippjanati b’attenzjoni kbira, u magħmula b’tali mod li jolqtu l-ħtiġiet u l-interessi ta’ etajiet differenti.
L-għanijiet ewlenin tal-istandard huma erbgħa:
- li jipprovdi informazzjoni fl-iddisinjar u fl-ippjanar ta’ żoni pubbliċi ta’ rikreazzjoni ġodda;
- li jipprovdi l-informazzjoni teknika meħtieġa li għandha tkun sottomessa ma’ kull sejħa għall-offerti għax-xiri ta’ tagħmir biex jintużaw fl-istess żoni;
- il-manutenzjoni regolari tal-istess żoni pubbliċi ta’ rikreazzjoni;
- proċeduri dwar spezzjonijiet ta’ rutina u annwali.
L-istandard ikopri erba’ oqsma differenti:
1. L-iddisinjar ta’ żoni pubbliċi rikreattivi ġodda;
2. it-tagħmir tal-logħob – inkluż l-ispeċifikazzjonijiet u t-tip ta’ materjal użat għall-art;
3. l-immaniġġjar tas-sit – inkluż il-ħatra ta’ persuni responsabbli biex jassiguraw li ż-żoni għar-rikreazzjoni huma tajbin u li tkun qed issir il-manutenzjoni meħtieġa;
4. spezzjonijiet regolari biex ikun assigurat li ż-żoni pubbliċi għar-rikreazzjoni u l-materjal ikunu għadhom f’kundizzjoni tajba għall-użu u ma jkunux ta’ periklu.
L-Abbozz tal-iStandard tfassal minn kumitat tekniku magħmul minn esperti u rappreżentanti tal-MSA, tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali, tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, tad-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali, tal-MEPA, tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilita’, tal-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u mill-Malta Playing Fields’ Association.
Dawk interessati jibagħtu l-kummenti tagħhom dwar dan l-Abbozz ta’ Standard għandhom jikkuntattjaw lill-MSA fuq francis.p.farrugia@msa.org.mt jew iżuru s-sit elettroniku tal-MSA fuq www.msa.org.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990