STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAR-RIŻORSI U AFFARIJIET RURALI
B’reazzjoni għall-istqarija tal-Onor Leo Brincat.
Filwaqt li jitkellem fuq trasparenza, l-Onor Leo Brincat jidher li jrid inessi l-inkonsistenza tal-Oppożizzjoni li sa’ ftit ilu kienet tgħid li l-inċineratur propost huwa ‘kbir wisq’ għall-bżonnijiet tal-pajjiż.
Il-parir ħażin tal-Oppożizzjoni, li huwa wieħed minn sensiela, kien ibbażat fuq tbassir żbaljat tal-produzzjoni tal-annimali f’pajjiżna li baqa’ wieħed stabbli, minkejja l-biża’ li ppruvat tiżra’ l-Oppożizzjoni. Il-fatti jikkonfermaw li t-tibdil u l-investiment li kien ippjana li jagħamel il-Gvern fit-2001 meta saret l-applikazzjoni ghal permess biex jinbena l-Incineratur permezz tal-finanzjament tal-protokol Taljan sabiex f’pajjiżna jkollna dan l-inċineratur kien wieħed għaqli;
- Setgħet tingħalaq darba għal dejjem il-faċilita’ skaduta tal-Isptar San Luqa, dik fl-Isptar ta’ Għawdex u l-inċineratur temporanju li kien hemm fil-Biċċerija;
- Ġew iffrankati l-flus għax ma kellhiex għalfejn issir faċilita’ ta’ inċinerazzjoni separata fl-Isptar Mater Dei ;
- Qed jiġu ffrankati flus fl-operat għax l-enerġija li hemm fl-iskart li mhux ġej mill-Biċċerija qed tintuża biex titnaqqas l-ispiza ta’ diesel meħtieġ biex iżomm it-temperatura għolja.
Dan il-proċess huwa possibbli għaliex kien sar l-upgrading meħtieġ biex l-inċineratur seta’ jaċċetta diversi tipi ta’ skart mill-isptarijiet u l-industrija. Il-pajjiż, b’hekk, issalvagwardja l-kompetittivita’.
Minkejja numru ta’ kjarifiċi u dikjarazzjonijiet pubbliċi, l-Onor Brincat jinteressah biss li jkompli jħawwad l-imħuħ u jagħżel li jirrepeti argumenti bla bażi u li diġa ġew imwieġba. Il-problema mhux l-inċineratur iżda xi rwejjaħ li jipproduċi l-iskart meta l-impjant ikun wieqaf ghall-manutenzjoni. Dan l-iskart tal-annimali, li jigi mill-biċċerjia viċin l-impjant, f’perijodu ta’ waqfien jiġi maħżun fil-cold stores temporanji li l-WasteServ qed tipprovdi sakemm jitwettaq żvilupp ta’ cold stores ohra permanenti. Kif diġa ntqal pubblikament bħalissa qed jigu preparti disinji biex jigu diskussi mal-MEPA dwar Master Plan ta’ żvilupp biex tikkonsolida il-proviżjoni għal cold storage.
L-Onor Brincat għażel li jinjora l-fatt ukoll li l-awditjar ta’ kif qed jitħaddem l-inċineratur jista’ jsir u jagħmlu hu stess mill-kumdita’ ta’ daru peress li r-riżultati tal-inċineratur jinsabu diretti fuq is-sit eletroniku tal-WasteServ filwaqt li twaħħlu wkoll monitors barra l-bini tal-inċineratur biex ikun hemm trasparenza sħiħa fl-operat tal-inċineratur. Ma qagħadniex nistennew lill-Onor Brincat jitkellem qabel ma l-Gvern ħa l-passi biex il-proċess ikun wieħed miftuħ u trasparenti l-ħin kollu.
Ta’ min wieħed ifakkar ukoll li l-WasteServ dejjem lesta biex tipprovdi kull informazzjoni kull meta l-inċineratur kellha ssirlu manutenzjoni regolari. Illum, l-emissjonijiet li qabel qatt ma kienu kontrollati, qed ikunu on-line u anke murija fuq monitor kbir li hemm fit-triq pubblika li hemm barra l-inċineratur.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990