Left arrow Mur Lura

AKTAR FAĊILITAJIET U XOGĦOL TA’ MANUTENZJONI U TISBIĦ FL-ISKEJJEL TA’ GĦAWDEX

pr1555
Date Icon 24/08/2010

“Bħalissa f’numru ta’ skejjel f’Għawdex jinsab għaddej xogħol ta’ manutenzjoni, tisbiħ u mmodernizzar sabiex hekk kif f’Settembru li ġej, madwar 3,500 student jirritornaw lura l-iskola, isibu ambjent li joffrilhom aktar sigurtà u faċilitajiet aktar moderni”.

Dan qalitu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, meta dalgħodu żaret uħud mill-iskejjel fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex fejn bħalissa jinsab għaddej xogħol ta’ mmodernizzar u tisbiħ. Dan ix-xogħol qed jiġi mwettaq mill-impjegati tas-Sezzjoni tal-Manutenzjoni fil-qasam ta’ l-edukazzjoni fi ħdan id-Dipartiment tal-Customer Services tal-Ministeru għal Għawdex.

Bħalma jsir kull sena,matul dan is-sajf ġiet koordinata ħidma li tinkludi xogħol ta’ tikħil, tibjid, bdil ta’ madum u ristrutturar ta’ kuriduri, kmamar u klassijiet f’diversi skejjel. Fl-iskola sekondarja tal-bniet, G.P. Agius de Soldanis jinsab għaddej xogħol ta’ tqegħid ta’ parquet fi klassi mdaqqsa li se tiġi mibdula f’gym attrezzat b’makkinarju li parti minnu se jkun ġdid. Barraminnhekk fl-istess skola, l-uffiċini ta’ l-amministrazzjoni ġew trasferiti għas-sular ta’ isfel. Dan kien jeħtieġ twaqqif ta’ partitions, u installazzjonijiet ġodda ta’ l-elettriku u tal-arja kkundizzjonata. Inqalgħu wkoll l-aperturi biex ikunu jistgħu jitwaħħlu oħrajn ġodda. Huwa ppjanat ukoll li fil-ġimgħat li ġejjin jibda xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-faċċata ta’ l-iskola, li tinkludi wkoll il-bdil ta’ l-aperturi kollha. Ix-xogħol estensiv ġewwa din l-iskola sekondarja li tilqa’ studenti bniet, jinkludi wkoll xogħol ta’ żebgħa fil-kuriduri u l-klassijiet. Barra minhekk, dan ix-xogħol qed ikompli jsaħħaħ l-infrasturttura u l-faċilitajiet ta’ din l-iskola wara li matul l-aħħar snin sar xogħol ieħor li fost affarijiet oħra kien jinkludi bdil tas-sistema ta’ l-elettriku, rikostruzzjoni ta’ laboratorji xjentifiċi u teknoloġiċi u installazzjoni ta’ oħrajn ġodda.
Ftit passi ‘l bogħodminn din l-iskola, fiċ-Ċentru għal Studji Ogħla, Sir M.A. Refalo, għaddej xogħol fuq laboratorju ġdid tal-Home Economics li wkoll se jkun lest qabel il-bidu tas-sena skolastika ġdida. Xogħlijiet oħra jinkludu xogħol fuq is-sistemi ta’ l-elettriku, ilma u arja kkundizzjonata flimkien ma` bdil ta’ madum fosthom fis-sala tal-konferenzi ta’ dan iċ-ċentru li jilqa’ madwar 600 student Għawdxi li jkunu qed isegwu korsijiet tal-Matsec u korsijiet oħrajn wara li jkunu temmew l-istudji fl-iskejjel sekondarji f’Għawdex.
Xogħlijiet oħrajinkludu dawk fl-iskola Primarja taż-Żebbuġ fejn minbarra xogħol ta’ żebgħa qed jinbidlu l-faċilitajiet sanitarji kollha ta’ l-iskola, filwaqt li se jiżdiedu faċilitajiet sanitarji għal studenti bi bżonnijiet speċjali. Fl-aħħar ġimgħat għadhom kif tlestew uffiċini ġodda għall-amministrazzjoni fl-iskola primarja tax-Xewkija. Fl-iskejjel primarji ta’ Sannat u ta’ Kerċem jinsab għaddej xogħol ta’ bdil ta’ madum kif ukoll xogħol ta’ żebgħa fil-kuriduri. Fl-iskola primarja magħrufa bħala tal-Vajrinġa fir-Rabat għaddej xogħol ta’ żebgħa u tibjid fuq barra ta’ l-iskola kif ukoll xogħol ieħor fil-btieħi u l-grawnd. Qabel ma tibda s-sena skolastika li jmiss ser jinżebgħu l-kuriduri u jinbidel ukoll il-madum fl-iskola primarja ta’ Għajnsielem. Fl-iskola primarja tan-Nadur jinsabu għaddejjin xogħlijiet ta’ tikħil u żebgħa f’diversi klassijiet. Barra minn dan, matul din is-sena, it-taqsima tal-mastrudaxxi li taqa’ taħt l-istess sezzjoni forniet diversi skejjel fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex, bl-għamara meħtieġa.
Il-Ministru Debonosostniet li din il-ħidma tikkonferma l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex fl-iżvilupp kontinwu fis-settur ta’ l-edukazzjoni f’Għawdex, bil-għan li jiġu mtejba l-istrutturi u l-ambjent ta’ l-iskejjel għal benefiċċju ta’ l-istudenti fil-livelli kollha ta’ tagħlim f’Għawdex. Hija semmiet ukoll il-proġett tal-bini ta’ l-iskola sekondarja ġdida tas-subien fir-Rabat, li mexa kif previst u wasal fl-aħħar fażi. Ix-xogħlijiet matul dan il-proċess kienu koordinati mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex. Il-Ministru Debono qalet li għall-ewwel darba minn Settembru li ġej, din l-iskola se tkun qed toffri faċilitajiet li joffru servizzi edukattivi ta’ eċċellenza lil madwar 750 student li ser ikomplu jew jibdew l-istudji sekondarji. Il-Ministru qalet li r-riżultati miksuba minn studenti Għawdxin fl-eżamijiet f’kull livell ta’ studju huma l-prova tal-politika li jħaddan dan il-gvern dwar l-edukazzjoni. Hija rreferriet ukoll għal 251 student minn 311 li għaddew mill-eżami tal-Common Entrance tal-Junior Lyceum ta’ din is-sena. Dan ifisser li madwar 81% ta’ l-istudenti Għawdxin kellhom suċċess f’dawn l-eżamijiet. Il-Ministru Giovanna Debono stqarret ukoll li n-numru dejjem jikber ta’ studenti Għawdxin li jkomplu bl-istudji terzjarji tagħhom huwa sinjal pożittiv tas-suċċess fil-qasam edukattiv f’Għawdex.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow