Left arrow Go Back

11,500 Persuna mħarrġa mill-ETC f'Għawdex

pr1535
Date Icon 19/08/2010

“11,500 persuna ġew imħarrġa mill-Korporazzjoni ta’ l-Impjiegi u t-Taħriġ (ETC) f’Għawdex, matul l-20 sena li ilha mwaqqfa, b’żieda sostanzjali tkun irreġistrata matul dawn l-aħħar sentejn.” Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono meta dalgħodu għamlet żjara fil-Job Centre ta’ l-ETC.  L-attivita saret bħala tifkira ta’ l-għoxrin anniversarju mit-twaqqif ta’ l-ETC f’Malta li fetħet l-ewwel uffiċċju f’Għawdex sentejn wara. Preżenti flimkien mal-Ministru għal Għawdex kien hemm ukoll l-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi, iċ-Chairperson ta’ l-ETC Dr Sandra Sladden, il-Kap Eżekuttiv ta’ l-ETC is-Sur Claudio Farrugia u l-Manager ta’ l-ETC f’Għawdex is-Sur Marcel Bonnici.

l-Onor. Giovanna Debono fakkret kif matul dawn is-snin il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-ETC flimkien ma’ entitajiet oħra kienet indirizzata biex tegħleb l-isfidi partikolari ta’ Għawdex fil-konfront ta’ l-impjiegi. Hija spjegat kif kollaborazzjoni ta’ din in-natura tkun qed timmassimizza l-potenzjal tar-riżorsi għad-dispożizzjoni u b’hekk tkun ukoll aktar effettiva. Semmiet fost l-oħrajn ħidma bejn l-ETC f’Għawdex u ċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri, li permezz tagħha saru u qed isiru programmi ta’ taħriġ għal dawk li jkunu qed jirreġistraw għax-xogħol jew iridu jtejbu l-abiltajiet tagħhom. ‘Dan qed iwassal biex l-investiment li sar permezz tal-proġett ta’ bini ta’ estensjoni taċ-Ċentru Wistin Camilleri jintuża b’mod aktar wiesa għal ġid tas-soċjetà Għawdxija’, qalet l-Onor Giovanna Debono. 

Il-Ministru għal Għawdex żiedet tgħid lil-istatistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) fil-ġimgħat li għaddew turi li l-qagħad f’Għawdex f’Ġunju ta’ l-2010 meta mqabbel ma’ Ġunju 2009, naqas bi kważi 7 fil-mija. Hija sostniet li minkejja l-kriżi finanzjarja internazzjonali, f’Ġunju 2010 ġie rreġistrat l-anqas numru ta’ nies jirreġistraw f’Għawdex f’dawn l-aħħar tliet snin. Kompliet tispjega kif is-sitwazzjoni ta’ l-impjiegi f’Għawdex dejjem kienet u ser tibqa’ prijorità kemm tal-Ministeru għal Għawdex kif ukoll tal-Gvern u hija l-intenzjoni tal-Ministeru li  jkompli jaħdem biex jiġu attirati aktar impjiegi f’Għawdex. Filwaqt li faħħret inizjattivi ta’ l-ETC favur il-qasam tax-xogħol f’Għawdex, partikolarment permezz ta’ skemi u għajnuniet li jagħtu attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni prevalenti f’dan il-qasam, il-Ministru għal Għawdex saħqet li din l-entità għandha tibqa’ timxi b’linji li jagħmlu diskriminazzjoni pożittiva permezz ta’ tfassil ta’ programmi u skemi indirizzati lejn il-qasam tax-xogħol f’Għawdex.
Iċ-Chairpersontal-Korporazzjoni ta’ l-impjiegi u t-Taħriġ Dr Sandra Sladden aċċennat għal mod kif skemi bħal Employment Aid Programme jagħtu aktar għajnuna fil-konfront ta’ applikanti li joperaw f’Għawdex. Semmiet kif 32 fil-mija tal-kuntratti li saru sa Lulju 2010 kienu ma’ applikanti Għawdxin.  Sa issa saru 262 kuntratt ma’ kumpaniji jew intraprendituri Għawdxin, li għalihom hemm diġà allokati kważi €1.4 miljun. Dan ifisser 39% tal-fondi li ġew marbuta sa issa. Permezz ta’ l-Employment Aid Programme li beda fi Frar 2009, huwa previst li Għawdex jibbenefika minn 10% ta’ l-allokazzjoni ta’ €8.2 miljun mill-Fond Soċjali Ewropew.
Bejnl-2007 u l-2008, permezz tal-Gozo Employment Aid Scheme nħolqu 264 impjieg li kważi 37% minnhom ġew meħuda minn dawk li kienu qed jirreġistraw. Permezz ta’ din l-iskema 94 intraprenditur jew kumpanija ħadu aktar minn €1.3 miljun minn fondi nazzjonali bħala inċentiv. Skema oħra li kellha suċċess kienet l-iskema Start-up your Business, li permezz tagħha 11-il persuna Għawdxija ġew imħarrġa u ngħataw l-għajnuna meħtieġa biex iwaqqfu attività għal rashom. Dawn kienu ngħataw ukoll €3,000 kull wieħed bħala għajnuna finanzjarja fl-ewwel xhur li fihom bdew ix-xogħol għal rashom.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow