SKOLA SEKONDARJA ĠDIDA TAS-SUBIEN F’GĦAWDEX
| Il-faċilitajiet li joffru servizzi edukattivi ta’ | eċċellenza ġewwa l-Iskola Sekondarja ġdida tas-Subien fi ħdan il-Kulleġġ ta’ Għawdex ser ikunu qed jintużaw għall-ewwel darba minn madwar 750 tifel li mistennija jerġgħu jibdew l-istudji sekondarji tagħhom f’Settembru li ġej. Hekk kif ix-xogħlijiet fl-aħħar fażi tal-bini ta’ din l-iskola resqin fit-tmiem tagħhom, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Giovanna Debono flimkien ma’ l-Onor. Frederick Azzopardi, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Onor. Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, għamlu żjara fuq il-post. Huma kienu akkumpanjati mis-sur Ray Fenech u s-sur Charles Farrugia uffiċjali mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada li qegħdin jikkoordinaw ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett b’kollaborazzjoni mill-Ministeru għal Għawdex. |
| Waqt | iż-żjara ngħataw dettalji dwar dak li kien il-proċess li wassal biex inbniet skola ġdida minflok dak li kien il-kumpless tal-Liċeo Ninu Cremona. Dan kien jinvolvi koordinazzjoni u attenzjoni biex filwaqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet jiġi mnaqqas l-inkonvenjent filwaqt li tiġi mħarsa s-sigurtà għall-istudenti, l-għalliema u ħaddiema oħra. Fis-sena skolastika 2009-2010 kienet bdiet tintuża l-ewwel parti ta’ l-iskola l-ġdida li tinkorpora laboratorji ta’ suġġetti marbuta max-xjenza, l-arti, id-disinn u t-teknoloġija u numru ta’ klassijiet. Hekk kif f’din l-aħħar ġimgħa twaqqgħu l-aħħar klassijiet ta’ l-iskola l-qadima, mis-sena skolastika li ġejja l-istudenti kollha ser ikunu qed jużaw il-faċilitajiet ġodda kollha li ser toffri din l-iskola. Dawn jinkludu 45 klassi, 9 laboratorji għat-tagħlim ta’ suġġetti tax-xjenza, 3 food-labs, textile room, 3 workshops għat-tagħlim tad-disinn u t-teknoloġija, klassi għat-tagħlim ta’ l-Arti, librerija, faċilitajiet għat-tagħlim ta’ l-edukazzjoni fiżika, u numru ta’ kmamar oħra li ser ikunu qed iżidu l-faċilitajiet ta’ tagħlim ġewwa din l-iskola għal studenti żgħażagħ Għawdxin. Fost dawn insibu l-faċilitajiet ta’ clinic u kamra oħra li ser tintuża bħala counselling room kemm għall-istudenti kif ukoll għal-laqgħat mal-ġenituri. L-iskola ser toffri spazju għal attivitajiet soċjali u edukattivi permezz ta’ sala arjuża u spazjuża li tinsab fit-tielet sular ta’ din l-iskola. Ġew imħejjija spazji oħra għall-użu ta’ l-għalliema u l-amministrazzjoni ta’ l-iskola filwaqt li qed tiġi installata għamara ġdida li tikkumplimenta l-ambjent spazjuż u modern li toffri din l-iskola l-ġdida. Minbarra faċilitajiet sanitarji f’kull sular l-installazzjoni ta’ lift ser toffri aċċessibiltà għall-faċilitajiet kollha li ser tkun qed toffri l-iskola l-ġdida. Il-proġett ħaseb biex jipprovdi spazju għal parkeġġ li sa issa jesa’ madwar 120 vettura. |
| L-ewwel | ġebla ta’ l-iskola sekondarja ġdida għas-subien kienet ġiet imqiegħda mill-Prim Ministru l-Onor. Lawrence Gonzi fil-bidu ta’ l-2008. Fost dawk preżenti kien hemm numru ta’ studenti li wħud minnhom ser ikunu jistgħu jaraw il-proġett komplut. Ix-xogħol mexa kif previst u l-bini ta’ l-iskola l-ġdida b’investiment ta €7 miljun riesaq fi tmiemu fiż-żmien stipulat. Hekk kif jiġu magħluqa x-xogħlijiet li għaddejjin fit-tielet fażi fil-ġimgħat li ġejjin, ser ikun konkluż il-proġett tal-bini ta’ l-iskola u jinbeda xogħol marbut ma’ l-estensjoni tal-parkeġġ li hu maħsub li jiġi miżjud bi spazju għal 240 vettura oħra. Għal dan ser ikun qed jiġi wżat l-ispazju taħt l-grawnd il-ġdid li mistenni jkompli jżid il-faċilitajiet f’din l-iskola filwaqt li jkompli jagħti dehra isbaħ permezz ta’ ħaxix sintetiku li ser jitpoġġa fuqu. Dan ix-xogħol mistenni jibqa’ għaddej matul is-sena li ġejja sabiex hekk kif tibda sena skolastika oħra jiġi finalizzat. |
L-Onor. Giovanna Debono spjegat kif il-bini ta’ din l-iskola jfisser twettieq ta’ wegħda elettorali oħra tal-gvern għal Għawdex. ‘Hija xhieda ta’ l-attenzjoni tal-gvern għal Għawdex u għal ħtiġijiet partikolari li għandha din il-gżira. Nemmnu li l-edukazzjoni hija pilastru ewlieni li taħdem fuq il-ħiliet ta’ l-individwu biex iżżid il-potenzjal tar-riżors uman’. Il-Ministru żiedet tgħid li l-investiment fl-edukazzjoni huwa investiment li jitgawda mhux biss fil-preżent iżda għandu potenzjal li jibqa’ jħalli frott għal ħafna u ħafna snin. Ir-riżultati miksuba minn studenti Għawdxin fl-eżamijiet u n-numru dejjem jiżdied ta’ dawk li jkomplu bl-istudji terzjarji tagħhom huma riżultat tal-politika li ħaddan dan il-Gvern dwar l-edukazzjoni f’dawn l-aħħar snin. Huma frott ta’ l-inċentivi li ta fir-rigward ta’ għajnuna miżjuda lil studenti Għawdxin fejn minbarra l-istipendju li jingħata lil kull student bdiet tingħata għajnuna addizzjonali lil studenti Għawdxin li jkunu jistudjaw f’istituzzjonijiet edukattivi f’Malta. Dan sewa wkoll ta’ għajnuna lill-familji ta’ dawn iż-żgħażagħ li jkollhom jidħlu għal spejjeż żejda konnessi ma’ l-edukazzjoni ta’ wliedhom. Il-Ministru rreferiet ukoll għaż-żieda fis-servizzi edukattivi permezz ta’ faċilitajiet edukattivi offruti minn skejjel oħra f’Għawdex li joffru wkoll taħriġ vokazzjonali. Semmiet kif studenti li ser ikunu qed isegwu korsijiet fil-food technology labs fl-iskola l-ġdida ser ikunu introdotti wkoll għall-faċilitajiet li joffri l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Għawdex stess. L-istess jista’ jingħad għaż-żieda fil-faċilitajiet ta’ l-MCAST f’Għawdex. Il-Ministru Giovanna Debono sostniet li l-faċilitajiet ta’ l-iskola sekondarja ġdida ser ikunu qed jirriflettu dan kollu permezz ta’ faċilitajiet state-of-the-art li jinkludu attenzjoni partikolari permezz ta’ sistemi li jipprovdu enerġija mix-xemx, u inizjattivi oħra bħall ma huma sun pipes, l-użu ta’ ħġieġ doppju u insulazzjoni li jkopru prattiċi stabiliti biex jintlaħaq l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 20 fil-mija mill-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju. ‘Dan huwa wkoll konformi ma’ dak li hu stabilit fil-ħidma relatata mat-twettieq tal-viżjoni eko-Għawdex li tinkludi wkoll attenzjoni partikolari lill-qasam edukattiv’ qalet il-Ministru Debono.
l-Onor. Stephen Spiteri, Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Impjiegi u l-Familja qal li l-bini ta’ l-iskola ġdida f’Għawdex għaddej fl-istess żmien li qed tinbena skola ġdida oħra fil-Mosta fil-Kulleġġ Marija Reġina. Spjega kif il-Gvern qed jinvesti bi sħiħ fil-qasam edukattiv għax jemmen kemm hu importanti r-riżors uman għal pajjiżna. Żdiedu r-riżorsi f’kull livell u semma kif illum il-qasam edukattiv jipprovdi fost l-oħrajn 1314 Learning Support Assistants li jgħinu madwar 2000 student filwaqt li 1670 tifel u tifla għandhom aċċess għall-kompjuters fi klassijiet tal-kindergarden. L-Onor. Spiteri zied jgħid li r-riforma fil-qasam edukattiv mill-klassijiet tal-primarja għall dawk fi skola sekondarja qed tikxef il-potenzjal ta’ kull student. Żied jgħid li l-investiment li qed isir fil-qasam edukattiv hu mifrux f’diversi livelli li jkopru firxa wiesgħa minn ċentri għall-kura tat-tfal sa l-Università u lil hinn minnha. ‘Dan hu rifless ukoll fis-suċċess ta’ l-MCAST fejn ġiet irreġistrata żieda ta’ 16.5% fl-istudenti li jsegwu korsijiet f’dan il-kulleġġ. Fis-sena li ġejja ser ikunu qed jattendu aktar minn 5000 student full-time u 2,500 student part-time filwaqt li 10,000 oħra ser ikun qed isegwu korsijiet fl-Università ta’ Malta li minn din is-sena ser tkun qed iżżid għażla fi 42 kors ġdid li jtella’ n-numru ta’ korsijiet offruti għal 150’, qal Dr Spiteri filwaqt li rrefera għal fatt li Malta hi l-unika pajjiż ewropew li jinkoraġġixxi lill-istudenti biex ikomplu jistudjaw bl-għoti ta’ stipendji lil 16,056 student. Semma wkoll kif 336 student ieħor gawdew minn scholarships fl-iskemi STEPS u MGSS filwaqt li 13 oħra ingħataw għall-ewwel darba scholarships fil-qasam ta’ l-arti. ‘L-inizjattivi meħuda mill-Gvern permezz tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Impjiegi u l-Familja jirriżulta f’nefqa medja ta’ €1.4 miljun kuljum għall-edukazzjoni ta’ wliedna filwaqt li qed iħallu riżultati f’kull settur speċjalment b’nies ippreparati aktar għal qasam tax-xogħol’ temm jgħid l-Onor. Stephen Spiteri.
L-iskola sekondarja ġdida tas-subien fil-Kulleġġ ta’ Għawdex ser tkun qed tipprovdi faċilitajiet moderni u state-of-the-art kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema u mpjegati oħra f’din l-iskola. Kemm l-Onor Giovanna Debono kif ukoll l-Onor. Stephen Spiteri faħħru l-impenn tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada fit-twettieq ta’ dan il-proġett ambizzjuż. Il-ħidma ta’ din il-Fondazzjoni ser tkun tinkludi wkoll il-bini ta’ skejjel ġodda f’Ħal Safi, tal-Ħandaq, Pembroke kif ukoll il-kampus l-ġdid ta’ l-MCAST f’Raħal Ġdid.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990