Left arrow Mur Lura

POST ALTERNATTIV GĦALL-WIRJA TA’ SANTA MARIJA F’GĦAWDEX DIS-SENA

pr1478
Date Icon 10/08/2010
Waqtkonferenza mtellgħa mill-Ministeru għal Għawdex tħabbar li l-wirja tal-Biedja u Snajja’ organizzata kull sena f’Għawdex bejn l-14 u l-15 t’Awwissu, din is-sena ser tinżamm f’post alternattiv minħabba x-xogħlijiet li għaddejjin fil-ġnien Villa Rundle fejn ilha tinżamm għal numru ta’ snin. Il-wirja tradizzjonali li tittella’ f’dan iż-żmien għandha oriġini li jqarrbu t-tliet mitt sena iżda ilha tiġi organizzata mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali għal dawn l-aħħar 155 sena.
Il-wirjatal-Biedja u Snajja’ tesponi l-qofol ta’ dak kollu li jagħmel parti mill-industrija agrikola f’Għawdex. Il-preżenza ta’ diversi tipi ta’ annimali tar-razzett flimkien ma’ esebiti oħra li jinkludu frott, ħxejjex, żrieragħ u prodotti agrikoli oħrajn, jattiraw eluf ta’ viżitaturi kull sena. Hu kkalkulat li madwar 11,000 persuna jżuru din il-wirja fosthom eluf ta’ Maltin u turisti li jkunu Għawdex għal btajjel.

L-Onor. Giovanna Debono Ministru għal Għawdex spjegat kif ix-xogħlijiet marbuta ma’ ristrutturar estensiv fil-ġnien Villa Rundle ma jippermettux li l-wirja ta’ din is-sena tinżamm ġewwa dan il-ġnien storiku. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex ħaseb biex jinstab post ieħor li jkun jista’ jservi bħala sit alternattiv u joffri faċilitajiet mitluba minn wirja ta’ din in-natura. Ġie deċiż li jiġi użat l-grawnd tal-Kumpless Ninu Cremona u l-inħawi ta’ madwar l-Istitut għal Studji Ogħla Sir M A Refalo. Dan is-sit jinsab in-naħa l-oħra ta’ Triq ir-Repubblika faċċata ta’ Ġnien Villa Rundle u għaldaqstant jinsab fl-istess akwati tradizzjonali. Aktar qabel il-Ministru Debono żaret dan is-sit fejn qed jiġu armati tined u stands u jsiru tħejjijiet oħra. Fit-tinda l-kbira li tokkupa parti sostanzjali mill-grawnd ser ikunu esebiti l-annimali tar-razzett li anke din is-sena mistennija jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku. Il-Ministru Giovanna Debono faħħret l-impenn tal-kumitat organizzattiv kif ukoll tal-ħaddiema mid-dipartiment ta’ l-agrikoltura flimkien ma’ ħaddiema tax-xogħlijiet pubbliċi fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, li qed iħejju għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ din il-wirja tradizzjonali.

Fi ġnien Villa Rundle bdew ix-xogħlijiet marbuta ma’ proġett ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonali b’investiment ta’ madwar €2.5miljun. Dawn il-ġonna ser isiru aktar attraenti u aktar aċċessibbli filwaqt li ser isaħħu l-infrastruttura fil-qasam ta’ żvilupp kulturali.  Huwa mistenni li x-xogħlijiet jintemmu għal nofs is-sena li ġejja. Dan jawgura li l-edizzjoni tal-Wirja Biedja u Snajja’ 2011 terġa’ tinżamm fil-post tradizzjonali f’ambjent riġenerat u aktar akkoljenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow