IL-KONFERENZA AUXETICS 2010 F’GĦAWDEX
pr1346
21/07/2010
| Matul | din il-ġimgħa professuri u riċerkaturi minn diversi universitajiet u kumpaniji madwar id-dinja, qed jiltaqgħu f’Malta għat-tielet konferenza internazzjonali fuq Auxetics and Related Systems u s-seba’ workshop dwar ir-riċerka fil-qasam ta’ materjali awkżetiċi. Dan jinvolvi studji u riċerka dwar materjali innovattivi b’valur miżjud li jistgħu jintużaw f’sistemi multifunzjonali. Il-konferenza għandha l-għan li toffri l-opportunità biex gruppi ta’ riċerka minn pajjiżi differenti jaqsmu l-għarfien u l-kisbiet li għamlu matul l-aħħar xhur dwar din il-materja. Din il-konferenza tagħti lok ukoll għal diskussjonijiet li jippromwovu l-koperazzjoni u l-preparazzjoni ta’ proġetti koperattivi bejn istituzzjonijiet differenti li jaħdmu f’dan il-qasam. |
| F’Malta | din ir-riċerka hija mmexxija mill-Professur Joseph N. Grima li huwa wkoll lecturer fid-dipartiment tal-kimika fil-Fakultà tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta. Miegħu għandu grupp ta’ kollaboraturi li jinkludu fost oħrajn lil Ruben Gatt u Daphne Attard, gradwati ta’ l-Università ta’ Malta li huma fl-aħħar fażi tad-dottorat (PhD) tagħhom. Il-grupp Malti huwa attiv sewwa f’dan il-qasam u qed jagħmel riċerka fost l-oħrajn dwar materjali awkżetiċi ġodda li jistgħu jintużaw fil-manifattura ta’ tagħmir jew ilbies protettiv. Malta trid tkompli tinvesti f’dan il-qasam ta’ riċerka u l-ġimgħa li għaddiet, l-Università ta’ Malta waqqfet taqsima ġdida (Metamaterials Unit) biex tispeċjalizza f’din il-materja. |
| Il-grupp ta’ Malta ġie afdat bl-organizzazzjoni | tal-konferenza li għaliha qed jattendu madwar erbgħin parteċipant barrani flimkien ma’ oħrajn Maltin. Din il-konferenza bdiet f’Malta nhar it-Tnejn u issa qed tkompli fil-gżira ta’ Għawdex. Fid-diskors tagħha, l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex esprimiet is-sodisfazzjon tagħha dwar il-fatt li Malta qed tagħti kontribut siewi permezz tar-riċerka f’dan il-qasam. Hija spjegat kif il-politika tal-Gvern preżenti dwar Għawdex tfittex li twettaq inizjattivi li jaqblu mal-kunċett ta’ żvilupp sostenibbli biex b’hekk il-gżira tkun tista’ toffri kwalità ta’ ħajja aħjar fil-kuntest tal-viżjoni 2020. Il-Ministru esprimiet sodisfazzjon għal fatt li Għawdex ser ikun qed jagħti kontribut fir-riżultati miksuba permezz ta’ din il-konferenza. Il-Ministru qassmet ukoll ċertifikati għall-aħjar papers ippreżentati f’din il-konferenza minn riċerkaturi ġodda. Din is-sena r-rebbieħa kienu ġejjin mill-Istati Uniti, l-Ingilterra u Malta. |
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990