Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. CHRIS SAID, SEGRETARJU PARLAMENTARI RESPONSABBLI MILL-KUNSILLI LOKALI,_FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-ĦATRA TAL-MEMBRI TAL-KUMITATI AMMINISTRATTIVI, FIS-SALA TAL-AMBAXXATURI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA

pr1312
Date Icon 14/07/2010
Prim Ministru,President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, President tal-Assoċjazzjoni tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali, Sindki, Segretarji Ezekuttivi, Membri tal-Kumitati Amministrattivi.
Inħossni veramentonorat li ninsab hawn fostkom illejla. 78 membru ta’ 16-il Kumitat Amministrattiv li ġejtu eletti biex tirrappreżentaw lill-komunitajiet tagħkom fiż-żewġ elezzjonijiet li saru f’Marzu u f’Ġunju li għadda.
Bħala kumitati bdejtuuffiċjalment bil-ħidma tagħkom fl-1 ta’ Lulju li għadda. Iżda naf li bil-ħerqa li kellkom biex tibdew tindirizzaw il-ħtiġijiet u tieħdu inizjattivi fl-interess tal-komunitajiet tagħkom, uħud minnkom bdew jiltaqgħu b’mod informali anki qabel dik id-data. Dan kollu jixhed l-interess li intom għandkom biex tagħmlu l-ġid u sservu l-lokalitajiet li eleġġewkom. Dan hu l-ispirtu li għandu jmexxikom fil-ħidma volontarja tagħkom fis-snin li ġejjin.
Il-KumitatiAmministrattivi twaqqfu a terminu tal-Artikolu 47A tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap. 363). Huma frott id-diskussjonijiet wiesgħa u l-proċess ta’ konsultazzjoni li kellna fl-ewwel sena u nofs ta’ din il-leġizlatura – diskussjonijiet li wasslu għat-tiġdid tal-Kunsilli Lokali
Il-Gvern iqisil-Kumitati Amministrattivi bħala mezz konkret li permezz tiegħu qed tkompli tissaħħaħ id-demokrazija lokali skont il-prinċipju tas-sussidjarjeta’, solidarjeta’ u sostenibilta’. Permezz tagħkom qed inwessgħu id-demokrazija u qed inkomplu nassiguraw li d-deċiżjonijiet lokali jittieħdu f’livell l-aktar qrib taċ-ċittadini tagħna.
KumitatAmministrattiv mhux se jkunu sempliċement grupp ta’ nies eletti li magħhom il-Kunsill Lokali jista’ jikkonsulta jekk irid. Il-Kumitati Amministrattivi huma mwaqqfa bil-liġi bi dritt li jiddeċiedu, u b’responsabbilta’ diretta fuq il-finanzi allokati lilhom. Meta waqqafna l-Kunsilli Lokali fl-1993, ħafna kienu xettiċi. Ftit kienu jobsru kif dawn kienu se jevolvu u x’differenza kienu se jagħmlu fil-lokalitajiet tagħna. Illum b’sodisfazzjon kbir nistgħu nduru dawra madwar pajjiżna u nistgħu naraw b’għajnejna u mmissu b’idejna it-titjib ġenerali li dawn ġabu magħhom. Hemm Kunsilli Lokali li ħadmu ħafna u oħrajn li ħadmu anqas. Iżda l-punt jibqa’ li meta l-Kunsilli Lokali jingħataw l-għajnuna u r-riżorsi biex jaħdmu, l-isforz ġenwin tagħhom biex itejbu l-lokalitajiet tagħhom, dejjem jagħti l-frott mixtieq.
Ir-riformatal-Kunsilli Lokali – riforma li sabet l-appoġġ taż-żewġ naħat tal-Kamra tar-Rappreżentanti u li qed tkun implimentata b’suċċess – kienet intiża propju biex tibni fuq l-esperjenza tas-snin li għaddew. Wara 17-il sena ta’ Kunsilli Lokali ħassejna li kien wasal iż-żmien biex ngħaddulhom aktar responsabbiltajiet, inżidulhom il-finanzi, u l-aċċess għal riżorsi oħra. B’hekk ikunu jistgħu jwettqu aktar. F’dawn l-aħħar sentejn l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali żdiedet b’seba miljun ewro għal 31 miljun ewro. Għamilna wkoll diversi skemi ta’ għajnuna finanzjarja biex ngħinu lill-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti differenti – biex iżidu s-servizzi f’ċertu xhur tas-sena, biex jirrestawraw postijiet storiċi, biex iħarsu l-identita’ tal-lokalita’ tagħhom, u biex jieħdu inizjattivi ambjentali fost l-oħrajn.
Ikun hawn min jgħid –dan kollu mhux biżżejjed. Fil-verita’ qatt m’hu biżżejjed. Iżda konvinti li dak li qed nagħmlu qed jissarraf f’ambjent aħjar, f’infrastruttura dejjiema, fil-kisba ta’ aktar ħiliet u edukazzjoni ta’ kwalita’ mill-poplu li tirrappreżentaw – fl-aħħar mill-aħħar fi kwalita’ ta’ ħajja aħjar għal kull wieħed u waħda miċ-ċittadini dan il-pajjiż.
Bħal ma kien hawn minkien xettiku meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali, hekk ukoll hawn min hu xettiku bit-twaqqif tal-Kumitati Amministrattivi. Uħud minn dawn isostnu li dan hu eżerċizzju ta’ tberbiq ta’ flus. Oħrajn qed jgħidu li l-Kumitati Amministrattivi ser iwasslu għal aktar frammentazzjoni.
Dan l-aħħar argumentdwar il-frammentazzjoni żgur li ma jreġix għaliex f’Malta għandna Kunsill Lokali li jirrappreżenta kull 5,000 ruħ - li hu paragunabbli mal-medja Ewropea. Barra minn hekk il-Gvern jibqa’ jsostni li d-deċiżjonijiet li l-aktar jolqtu mill-qrib liċ-ċittadini tagħna għandhom jittieħdu fl-aktar livell qrib tiegħu.
Kunsillier f’ĦalSafi, jew f’Ta’ Sannat, jaf x’inhuma l-ħtiġijiet tar-residenti tiegħu u jekk jingħata r-riżorsi, jista’ jindirizzahom ferm aktar malajr milli qatt jista’ jagħmel dan Deputat jew Ministru fil-Parlament. Il-ħidma tagħna bħala parlamentari għandha tikkonċentra ruħha fuq livell nazzjonali. Kunsillier, u issa anki membru ta’ Kumitat Amministrattiv, jista’ jikkonċentra fuq il-mikro-kożmu – fuq il-livell lokali. B’hekk nassiguraw li jkunu qed jiġu indirizzati l-prioritajiet kollha – kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk lokali.
Lilkom il-membrital-Kumitati Amministrattivi, nitlobkom ma tgħaġġlux. Għal uħud minnkom li tipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell lokali mhux xi ħaġa ġdida. Iżda għal oħrajn din se tkun l-ewwel esperjenza, u se tkunu qed titgħallmu bil-mod il-mod. Se dduqu suċċessi, għax meta tagħmel xi ħaġa tajba għal-lokalita’, tħoss ċertu sens ta’ sodisfazzjon li nassigurakom ikun kbir. Ħaġa waħda ngħidilkom, tistennewx prosit. Aktarx li ħadd ma hu se jirringrazzjakom ta l-inizjattivi li tkunu qed tieħdu. Iżda l-importanti hu li fil-fond ta’ qalbkom tkunu tafu li dak li qed tagħmlu tkunu qed tagħmluh b’servizz għar-residenti.
Se jkun hemmokkażjonijiet meta minkejja li wara diskussjoni ċara mar-residenti tal-lokalita, tkunu ħadtu deċiżjonijiet għall-ġid tal-lokalita’, ikollkom tħabbtu wiċċkom mal-kritika ta’ xi wħud, forsi anki tal-ħafna. Xi kultant se ssibu ruħkom quddiem ostakli li qajla jkollkom idea kif se tagħmlu biex tegħlbuhom. Forsi tibdew tiddubitaw jirnexxilkomx taslu għall-miri li tkunu fassaltu bħala Kumitat Amministrattiv.
Dan kollu hu partimix-xogħol li dħaltu għalih. Se jkollkom mumenti pożittivi u oħrajn anqas pożittivi. L-importanti li tibqgħu b’tir wieħed. Li tagħmlu l-ġid u li sservu lill-komunita’. U fejn ikollkom problemi, tiddejqu xejn tavviċinaw lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Inħatret persuna apposta għal dan il-għan biex tassisti fejn meħtieġ. Biex tgħin lilkom u lis-Segretarji Eżekuttivi tegħlbu ċertu ostakli, biex tagħtikom direzzjoni u biex tgħinkom tieħdu l-aħjar deċiżjonijiet.
Fil-verita’ l-esperjenzali se tkunu qed tgħaddu minnha intom diġa għexuha mijiet ta’ kunsillieri f’dawn l-aħħar sbatax-il sena. Tgħallmu mill-esperjenzi li kisbu, aħna tgħallimna wkoll, u kien għalhekk li ġeddidna l-Kunsilli Lokali.
Kelma lis-Sindkital-lokalitajiet fejn hemm Kumitat Amministrattivi. Infakkarkom li d-deċiżjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi huma finali u ma jistgħux jinbidlu mill-Kunsilli Lokali. Dan jgħodd sakemm ix-xogħlijiet jew inizjattivi proposti mill-Kumitati Amminstrattivi ma jkunux illegali, u sakemm ikun hemm fondi biżżejjed fil-budget allokat lilhom biex jitwettqu inizjattivi f’dik il-lokalita’. M’għandix dubju li se tagħmlu l-almu tagħkom biex il-Kumitati Amministrattivi jkunu suċċess daqs il-Kunsilli Lokali.
Sinjuri. Intom ilkollrappreżentanti tal-poplu. Intom il-vuċi tal-komunita’ tagħkom. Tajjeb li twasslu din il-vuċi u li taħdmu biex din il-vuċi ma tibqax ħoss fid-deżert iżda tagħtuha widen. Id-differenza tagħmluha intom b’ħidmitkom, fil-limiti tal-legalita’. Jekk tagħmlu dan tkunu qed tagħtu kontribut ferm siewi biex pajjiżna jkompli jiżviluppa bl-aħjar mod.
Inwegħdkom li lilna,kemm bħala Gvern kif ukoll id-Dipartiment tal-Gvern Lokali, se ssibuna magħkom biex ngħinukom.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow