Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU FL-OKKAŻJONI TAĊ-ĊERIMONJA TAL-GĦOTI TAL-ĦATRA TAL-MEMBRI TAL-KUMITATI AMMINISTRATTIVI, FIS-SALA TAL-AMBAXXATURI, FIL-BERĠA TA’ KASTILJA, IL-BELT VALLETTA – L-ERBGĦA,  14 TA’ LULJU 2010

pr1311
Date Icon 14/07/2010
Il-politiku Franċiż Jacques Delors, li serva bħalaPresident tal-Kummissjoni Ewropea għal żewġ leġislaturi, darba qal li lest jagħti għotja ta’ flus lil min joħroġ bi spjegazzjoni miktuba f’anqas minn paġna ta’ xi tfisser il-kelma sussidjarjetà.
F’Malta,dan il-kunċett qed inwettquh l-aktar fil-Kunsilli Lokali.  Il-kunċett huwa wieħed vast iżda fil-konkret ifisser li d-deċiżjonijiet tħallihom jittieħdu minn dawk li lilhom ikunu se jaffettwaw l-iżjed. Is-sussidjarjetà tfisser iżjed poter liċ-ċittadin. Tfisser li liċ-ċittadin tagħtih ir-rwol li jkun iżjed responsabbli tal-ambjent ta’ madwaru u li bid-deċiżjonijiet tiegħu jiddeċiedi għalih u għal dawk ta’ madwaru.
Danil-prinċipju li daħħalnih fl-1993 meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali kompla jiġi żviluppat. Il-Gvern dakinhar iddeċieda li jgħaddi parti mill-poter tiegħu lil gruppi eletti ta’ ċittadini f’kull lokalità f’Malta u Għawdex.  Konxju mill-fatt li b’din is-sistema l-ġdida l-lokalitajiet tagħna kienu se jimxu ’l quddiem ... iżjed residenti kienu se jiddedikaw ħinhom għall-ġid tan-nies ta’ madwarhom u li b’ħidma kontinwa minn dawn il-Kunsilli Lokali, il-pajjiż kien se jagħmel pass ieħor ’il quddiem.
Illum,sbatax-il sena wara, inħarsu lura u naraw li kien esperiment li rnexxa. Il-Kunsilli Lokali kibru, ħadu iżjed setgħat, wettqu ħafna u llum għandna 68 Gvern Lokali bi programm ta’ ħidma mill-iżjed vast, li ma jkoprix biss l-iżjed affarijiet essenzjali iżda li jħares fit-tul u b’perspettiva mill-iżjed wiesgħa.
GħandnaKunsilli Lokali li qed jaħdmu biex jixprunaw attività ekonomika fil-lokalitajiet. Kunsilli Lokali li qed joħolqu ambjent fiċ-ċentru tal-lokalitajiet li jħajjar investiment. L-iskemi li qed inniedu għall-Kunsilli Lokali għandhom l-għan li jagħmlu lill-Kunsilli Lokali mhux biss promoturi tal-kultura ta’ pajjiżna iżda anke katalisti ta’ attività kummerċjali.
Bipjaċir qed ninnota l-impenn tal-Kunsilli Lokali tagħna b’risq l-ambjent, li huwa prijorità fil-programm ta’ ħidma tal-pajjiż. Għandna Kunsilli li qed jinvestu f’enerġija alternattiva, li qed iħeġġu lil nieshom jagħmlu l-aħjar użu mill-enerġija u mill-iskart, u li qed jgħallmu lill-istudenti u lir-residenti tagħhom il-benefiċċji ta’ ambjent iżjed b’saħħtu.
Biextitwettaq din il-ħidma qed naraw Kunsilli Lokali jagħmlu l-aħjar użu minn fondi Ewropej. Grazzi għall-MEUSAC, li qed toffri servizz ta’ assistenza u mili ta’ applikazzjonijiet lill-Kunsilli Lokali, qed naraw diversi proġetti b’fondi tal-Unjoni Ewropea jsiru direttament fil-Kunsilli Lokali tagħna u jintefqu bl-iżjed mod effettiv. Permezz ta’ ġemellaġġi u skambji qed naraw Kunsilli Lokali jħarsu lil hinn minn xtutna u jġibu lejn pajjiżna ideat ġodda, filwaqt li joffru lir-residenti tagħhom esperjenzi uniċi ta’ qsim ta’ esperjenzi ma’ popli oħra Ewropej.
Bipjaċir illejla qed nagħmlu pass ieħor fl-istorja ta’ suċċess tal-Kunsilli Lokali tagħna. Ħassejna, anke waqt il-kampanja qawwija ta’ konsultazzjoni li saret qabel ma sar it-tiġdid fil-Kunsilli Lokali fix-xhur li għaddew, li kien hemm lokalitajiet fi ħdan lokalitajiet li kien jistħoqqilhom iżjed attenzjoni ..... Lokalitajiet bi bżonnijiet speċifiċi, differenti minn dawk tal-lokalità li tagħha jagħmlu parti. U għalhekk eleġġejna fl-aħħar ġimgħat 16-il Kumitat Amministrattiv, tlettax f’Malta u tlieta f’Għawdex, sabiex anke dawk il-lokalitajiet periferiċi tingħatalhom l-importanza li tisħoqqilhom u – f’ħidma id f’id mal-Kunsill Lokali – jagħmlu d-differenza fil-post fejn jgħixu.
Indurfuqkom – membri eletti f’dawn l-elezzjonijiet – u nirringrazzjakom li lqajtu s-sejħa u kkontestajtu l-ewwel elezzjonijiet għall-Kumitati Amministrattivi. Persważ li kienet l-imħabba tagħkom lejn il-lokalità u l-ħeġġa li tarawha miexja ’l quddiem li wasslukom tieħdu din id-deċiżjoni. Pajjiżna jiddependi fuq nies bħalkom li jilqgħu dawn l-isfidi u joffru ruħhom għax-xogħol, b’konvinzjoni li jistgħu jagħmlu differenza pożittiva.
Lilkom,li ġejtu eletti, inħeġġiġkom taħdmu kemm tifilħu sabiex il-lokalitajiet tagħkom jimxu ’l quddiem. Is-suċċess tal-Kumitati Amministrattivi jiddependi mil-livell ta’ kollaborazzjoni li se jkun hemm bejn il-Kumitati u l-Kunsilli Lokali tagħkom. Inħeġġiġkom tikkollaboraw ukoll ma’ dawk sħabkom li kkontestaw dawn l-elezzjonijiet iżda ma ġewx eletti. Anke huma għandhom x’joffru u s-sigriet tas-suċċess tagħkom huwa li tinvolvu lil kull min jixtieq jagħti l-għajnuna tiegħu b’risq il-lokalità.
Ninsabinfurmat li anke jekk uffiċjalment il-ħidma tagħkom għadha kemm bdiet fl-1 ta’ Lulju, uħud minnkom ġa middejtu għonqkom għax-xogħol u qed taħsbu f’inizjattivi u proġetti sabiex tmexxu ’l quddiem il-lokalitajiet li t-tmexxija tagħhom issa ġiet fdata lilkom.
Nagħlaqbilli nirringrazzjakom talli qed toffru l-ħin tagħkom għall-ġid tar-residenti tagħna. Intom eżempju ħaj ta’ kif ċittadin jista’ jagħti lil pajjiżu kontribut u jkun strumentali għall-progress tiegħu. Min-naħa tiegħi naċċertakom li fl-Uffiċċju tiegħi se ssibu alleat għal kull bżonn li jkollkom. L-isfida tagħkom – dik li tibdlu l-lokalità tagħkom għall-aħjar – hija wkoll l-isfida tagħna, li rridu lil pajjiżna jkompli jinbidel filwaqt li jkompli joffri lil niesu kwalità ta’ ħajja aħjar.
Grazzilil kulħadd.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow