JIBDEW XOGĦLIJIET FI PROĠETT IFFINANZJAT MINN FONDI EWROPEJ F’GĦAWDEX
pr1296
13/07/2010
| Bdew xogħlijiet marbuta | mal-proġett ta’ titjib estensiv fil-ġnien Villa Rundle fil-belt Victoria f’Għawdex. Dan il-proġett mistenni jagħti dehra ġdida lil dawn il-ġonna permezz ta’ ristrutturar u xogħol ta’ tisbiħ ieħor, biex minbarra li jtejjeb il-faċilitajiet ta’ rikreazzjoni jservi wkoll biex jiġi salvagwardat u ppriservat u b’hekk jibqa’ jitgawda anke minn ġenerazzjonijiet futuri. |
| L-Onor. Giovanna Debono, | Ministru għal Għawdex, għamlet żjara fuq is-sit waqt li kien għaddej ix-xogħol li nbeda fl-aħħar ta’ Ġunju. Wara li ġew imwaqqgħa xi strutturi u nqala’ wkoll parti mill-konkrit fil-passaġġi, qed jiġi skavat ġibjun fejn hu maħsub li jkun jista’ jinħażen l-ilma tax-xita għall-użu fl-istess ġonna. Fil-ġimgħat li ġejjin hu mistenni li jingħata bidu għall-bini ta’ dan il-ġibjun kif ukoll fuq it-tqegħid ta’ pavimentar ġdid madwar il-ġonna. Il-proġett jaħseb ukoll għat-twaqqif ta’ żona għal-logħob, ċentru tal-viżitaturi kif ukoll palk fejn ikunu jistgħu jiġu organizzati attivitajiet fl-apert. Xogħlijiet oħra jinkludu tisbiħ fl-entraturi kif ukoll l-istallazzjoni ta’ sistema ta’ dwal, bankijiet u faċilitajiet anċillari ġodda li jikkumplimentaw id-dehra ġdida li ser tingħata lil dawn il-ġonna stroriċi. |
| Il-Ministru Debono | spjegat kif dan huwa proġett ieħor għal Għawdex li ser jibbenefika minn ko-finanzjament minn fondi Ewropej. Il-Fond Ewropew għal Żvilupp Reġjonali ser jiffinanzja 85% tan-nefqa fil-proġett li hu stmat li ser jiswa madwar €2.5 miljun. Bis-saħħa ta’ dan il-proġett dawn il-ġonna pubbliċi fiċ-ċentru ta’ Għawdex ser isiru aktar attraenti u aktar aċċessibbli u ser jikkontribwixxu wkoll biex isaħħu l-infrastruttura fil-qasam ta’ żvilupp kulturali u jżidu l-attrazzjonijiet turistiċi. Dan ser ikabbar il-potenzjal biex dawn il-ġonna jservu bħala sit għal-laqgħat soċjali, rikreattivi u kulturali kemm għal poplu Għawdxi kif ukoll għal bosta viżitaturi Maltin u barranin li jżuru lil Għawdex kull sena. |
| Ix-xogħol huwa mistenni | li jitlesta sa Marzu 2011. Dawn il-ġonna huma magħrufa wkoll għall-wirja annwali tal-Biedja u s-Snajja’ mtellgħa mis-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali ta’ Għawdex, bejn l-14 u l-15 ta’ Awwissu. Minħabba x-xogħlijiet li ser ikunu għaddejjin din is-sena din il-wirja ser issir f’post alternattiv li jinsab ftit metri ‘l bogħod minn dawn il-ġonna, fil-ground tal-kumpless tal-Liċeo qrib l-iskola sekondarja ġdida għas-subien. |
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990