Left arrow Mur Lura

Imħabbra l-Proġetti Magħżula tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ għall-Implimentazzjoni b’Assistenza tal-Gvern

pr1269
Date Icon 08/07/2010
Il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ ta’ Bormla,Ħal-Qormi u l-Imtarfa ser ikunu allokati fondi mill-Gvern Ċentrali u mill-Kunsilli Lokali rispettivi tagħhom biex ikunu jistgħu jimplimentaw il-proġetti tagħhom li ġew sottomessi bħala parti mill-Proġett tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ.
Dan ġiemħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u Sport, Clyde Puli. Għal dan il-proġett, li ġie mniedi f’Novembru 2009, il-Gvern investa total ta €70,000 biex jassisti liż-żgħażagħ fit-taħriġ u l-ħidma tagħhom u wkoll fl-implimentazzjoni tal-proġetti magħżula.
Is-Segretarju Parlamentari tenna li permezztal-proġett tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ qed ikunu xprunati opportunitajiet konkreti għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin li permezz tagħhom qed ikollhom l-ispazju biex isemmgħu leħinhom permezz ta’ djalogu strutturat fi ħdan il-lokalità rispettiva.
Permezzta’ dan il-proġett qed jiġu mħejjija l-mexxejja ta’ għada billi qed tkun offruta opportunità ta’ parteċipazzjoni fi proċess politiku.  115-il żagħżugħ u żagħżugħa minn 15-il lokalità f’Malta u Għawdex ingħataw taħriġ dwar l-operat tal-Kunsill Lokali kif ukoll dwar materji oħra relatati.  Matul il-proċess ta’ ippjanar dwar il-proġett, iż-żgħażagħ kienu esposti għal esperjenza fejn kellhom iċ-ċans li jikkonsultaw mal-komunità rispettiva tagħhom dwar affarijiet li jolqtu lir-residenti b’mod dirett. Din l-esperjenza wasslet liż-żgħażagħ biex ippreparaw proġett b’rabta mal-lokalità tagħhom.
It-tlietproġetti rebbieħa ġew magħżula minn kumitat tal-għażla li ġie appuntat apposta. Dan il-kumitat kien immexxi minn Albert Bell, lecturer fid-Dipartiment tal-Youth and Community Studies tal-Università ta’ Malta, u fih kellu ukoll li; Claudette Abela Baldacchino mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Marco Bonniċi mis-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, u Ann Juliene Spiteri mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).
Matulil-kors tal-proġett, numru ta’ youth workers assistew liż-żgħażagħ fil-ħidma tagħhom.  Matul it-tieni fażi tal-proġett, iż-żgħażagħ ser ikomplu jkunu assistiti mill-youth workers biex ikunu jistgħu jżommuhom bħala punt ta’ referenza kull fejn ikun hemm bżonn.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li filwaqtli qed nesperjenzaw suċċess fl-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett, qed tkun imnedija t-tieni edizzjoni tal-Proġett tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ.  Il-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex huma mistiedna biex japplikaw ħalli ż-żgħażagħ tal-lokalità tagħhom ikunu jistgħu jgawdu minn din l-esperjenza ta’ formazzjoni u ta’ ċittadinanza attiva.  Il-Kunsilli Lokali jistgħu japplikaw sa nhar it-30 ta’ Lulju 2010.  Wara din id-data, il-Kunsilli Lokali applikanti għandhom jagħmlu promozzjoni mal-lokalità kollha tagħhom biex bejn it-2 ta’ Awwissu u l-15 ta’ Ottubru jiġu ngaġġati l-parteċipanti għat-tieni edizzjoni ta’ dan il-proġett.
Dinil-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll minn Ann Julene Spiteri, il-Koordinatriċi tal-proġett min-naħa tal-KNŻ, li spjegat il-proċess li l-kumitat tal-għażla għadda minnu biex wasal għad-deċiżjoni, u saħqet fuq l-importanza tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ biex ikunu strumentali fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livelli differenti.  Ann Julene Spiteri faħħret ukoll l-impenn li l-Gvern qed jieħu biex jinvolvi dejjem aktar il-ġenerazzjoni żagħżugħa fl-implimentazzjoni tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

D.O.I. – 08.07.2010

Dettaljidwar il-Proġetti tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ Magħżula
Il-Proġett tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ ta’Bormla huwa bbażat fuq erba’ temi li huma: Edukazzjoni, Kultura, Sports u Problemi Soċjali.  It-tema tal-edukazzjoni se tkun konċentrata fuq korsijiet tal-kompjuter li huma E-Tfal u Learn IT.  Bi ħsieb li jkun hemm mitt parteċipant f’kull wieħed. Il-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ Bormla ser ikun qed jipproduċi ktieb ta’ informazzjoni u CD b’tagħrif fuq il-wirt storiku ta’ Bormla.  Permezz ta’ din l-inizzjattiva, il-kunsilliera żgħażagħ ser ikunu qed jikkultivaw aktar l-għarfien kulturali mar-residenti tal-lokal.  Il-Kunsilliera Żgħażagħ Bormlizi ser ikunu qed jorganizzaw sensiela ta’ attivitajiet sportivi fuq perjodu ta’ tliet xhur.  Huwa mistenni li madwar 50 persuna ser ikunu qed jipparteċipaw minn dawn l-attivitajiet.  Bil-għan li jkunu ndirizzati l-problemi soċjali ser isir ukoll programm edukattiv li jinkludi informazzjoni fuq temi bħal alkoħol, droga, bullying, logħob tal-azzard, flimkien ma’ suġġetti oħrajn ta’ interess.
Il-Proġett tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ ta’Ħal Qormi huwa ta’ natura infrastrutturali u jinkludi t-temi ta’ Ambjent Sostenibbli, Teknoloġija u Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Biex jindirizzaw it-tema ta’ Ambjent Sostenibbli, il-kunsilliera żgħażagħ ta’ Ħal-Qormi ser ikunu qed ibiddlu s-sistema tal-enerġija ta’ żewġ ġonna pubbliċi għall-enerġija solari minflok dik eżistenti li qed tiddependi fuq id-dawl tal-Gvern.  Bil-għan li jindirizzaw it-tema tat-teknoloġija, il-kunsill lokali taż-żgħażagħ ser ikun qed jinstalla żewġ Wi-Fi Points f’żewġ ġonna oħrajn biex b’hekk ikun offrut s-servizz tal-internet lir-residenti tal-lokal fiż-żoni rispettivi.  Il-Kunsill Lokali taż-żgħażagħ ta’ Ħal-Qormi ser ikun qed jiffaċilita l-aċċess għal żewġ ġonna pubbliċi biex b’hekk ikunu jistgħu igawduhom ukoll il-persuni b’diżabilità u fl-istess ħin ikunu qed iħarsu iktar id-drittijiet ta’ dawn il-persuni.
Il-Proġett tal-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ tal-Imtarfa għandu l-għan li jipromovi l-ambjent tal-Imtarfa u l-istorja relatata ma’ din il-lokalità.  Fil-fatt il-kunsilliera żgħażagħ tal-Imtarfa pproponew proġett ta’ produzzjoni ta’ DVD li jiġbor fih dokumentarju bi spjega dwar siti storiċi kif ukoll naturali li hemm fil-lokalità tal-Imtarfa.  Dan id-DVD ser ikun qed jitqassam f’kull familja fl-Imtarfa bil-għan li joħloq aktar għarfien qalb ir-residenti tal-lokal. Il-Kunsilliera Żgħażagħ ser ikunu qed jiproduċu wkoll kotba addattati għall-istudenti tas-sekondarja u primarja biex jiġu mqassma meta l-istess kunsilliera żgħażagħ imorru fl-iskejjel biex jagħmlu preżentazzjoni lill-istudenti.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow