IL-MEUSAC B’INFORMAZZJONI DWAR IL-POLITIKA AGRIKOLA KOMUNI WAQT L-IMNARJA FEST
Matul il-jumejn ta’ attivitajiet tradizzjonali tal-Imnarja li jsiru fil-Buskett, il-MEUSAC kien preżenti biex wassal informazzjoni dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) tal-Unjoni Ewropea u dwar kif din il-politika għandha tinbidel biex tirrifletti aħjar iż-żminijiet tal-lum.
L-attivitajiet tal-Imnarja huma intrinsikament marbuta mal-biedja u l-ħajja rurali f’pajjiżna. Kien għalhekk li l-MEUSAC għażel l-attivitajiet fil-Buskett bħala l-aħjar post fejn tista’ titwassal din l-informazzjoni. Il-preżenza tal-MEUSAC fil-Buskett kienet parti minn proġett imsejjaħ The EU’s CAP: Now and Beyond, li hu ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Waqt l-Imnarja Fest, il-MEUSAC qassam diversi fuljetti b’informazzjoni dwar il-PAK, intuża logħob edukattiv mat-tfal, filwaqt li gew imwieġba l-mistoqsijiet ta’ dawk interessati.
Fil-ġimgħat li għaddew il-MEUSAC organizza konferenza nazzjonali konsultattiva dwar il-PAK, filwaqt li fil-bidu tas-sena skolastika l-ġdida, se ssir kampanja ta’ informazzjoni, immirata lejn it-tfal, fl-iskejjel ta’ Malta u Għawdex.
Il-Kap tal-MEUSAC, Vanni Xuereb qal li attivitajiet bħal dawk organizzati permezz ta’ dan il-proġett juru l-importanza tax-xogħol tal-MEUSAC li jwassal l-informazzjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea u kif din ikollha mpatt fuq iċ-ċittadini Maltin. Hu qal ukoll li attivitajiet bħal dik tal-Konferenza Nazzjonali, minbarra li jwasslu informazzjoni liċ-ċittadin, iservu ukoll biex iċ-ċittadin isemma’ leħnu dwar materji relatati mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990