Left arrow Go Back

STQARRIJA MINISTERJALI MILL-PRIM MINISTRU DR LAWRENCE GONZI DWAR IL-KUNSILL EWROPEW TAS-17 TA’ ĠUNJU 2010

PR1199
Date Icon 28/06/2010

Mr Speaker,

Illejla nixtieq nirrapporta lill-Kamra dwar il-parteċipazzjoni tiegħi fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju. 

Nibda billi nqiegħed kopja tal-Konklużjonijiet ta’ din il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Din il-laqgħa kienet preseduta mill-President tal-Kunsill Ewropew, Herbert von Rompuy, u nfetaħ bi skambju ta’ ħsibijiet mal-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek.

EWROPA 2020

Il-foċus ewlieni tal-laqgħa kienet l-istrateġija Ewropea għax-xogħol u t-tkabbir, dik imsejħa Ewropa 2020.  Bdejna l-laqgħa pero’ b’diskussjoni ta’ rapport imħejji mill-Prim Ministru Spanjol, Jose’ Luis Zapatero, dwar il-ħidma mwettqa mill-Presidenza mill-laqgħa tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu li għadda, li dwaru kont irraportajt lil din il-Kamra fid-19 ta’ April li għadda.  Minn dakinħar, l-Unjoni Ewropea laħqet qbil dwar pakkett ta' appoġġ għall-Greċja kif ukoll dwar mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja u Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja. 

Qed ngħid dan sabiex nenfasizza r-rapidità tal-iżviluppi li għaddejjin kif ukoll ir-rapidità tal-azzjoni li l-Unjoni Ewropea qiegħda tieħu quddiem din l-isfida ekonomika li d-dinja ilħa ma taffaċċja sa minn qabel l-aħħar Gwerra. 

Ir-rilevanza ta’ dan kollu għal pajjiżna u għal poplu tagħna hija enormi. Ir-responsabiltà u l-għaqal jiddettaw li aħna f’din il-Kamra ma naħarbux ir-realtà li teżisti madwarna u li miljuni ta’ ċittadini Ewropej qed ikollhom jiffaċċjaw kulljum, iżda li b’kuraġġ, b’għaqal u b’determinazzjoni nagħrfu dak li qed naffaċċjaw u nieħdu l-passi meħtieġa sabiex nindirizzaw l-isfidi li għandna u ndawruhom f’opportunitajiet ta' tkabbir sostenibbli u li joħloq l-impjiegi.

Nħar il-Ħamis li għadda, bħala Kapijiet tal-Gvern tas-sebgħa u għoxrin Pajjiż Membru fl-Unjoni Ewropea adottajna l-istrateġija Ewropea 2020, strateġija għat-tkabbir tal-impiegi għal xogħol aħjar (smart), sostenibbli u inklussiv. Issa jmiss li nsawwru l-politika tagħna mibnija fuq deċiżjonijiet meħuda f’qafas ta’ azzjoni koordinata u msaħħa u favur governanza ekonomika ferm aktar b'saħħitha.

Din l-istrateġija għanda tgħin lill-Ewropa sabiex tirkupra minn din il-kriżi li ilha għaddejja mill-2008 u li toħroġ minnha aktar b’saħħitha billi jissaħħu l-kompettitività, il-produttività, il-potenzjal tat-tkabbir, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza ekonomika.  Dan ifisser ukoll mixja lejn riformi fuq perjodu medju u twil b’risq tkabbir ekonomiku sostenibbli, aktar xogħol u xogħol aħjar u finanzi pubbliċi sostenibbli. 

Id-dinja qed tinbidel b’mod mgħaġġel u min jaħseb li jista’ jinħeba minn dawn il-bidliet ikun qed jiżbalja bil-kbir u eventwalment jispiċċa biex iħallas prezz ħafna ogħla.

Bħala Unjoni issa għandna ħames miri ewlenin li għandhom jiggwidaw il-ħidma taghna:

1.                  żjieda fir-rata tal-impjiegi għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena għal 75%.  Dan jinkludi parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ, tal-ħaddiema aktar avvanzati fl-età u tal-ħaddiema bi ftit kwalifiki u permezz ta' integrazzjoni aħjar tal-migranti legali;

2.                  titjib fil-kondizzjonijiet għar-riċerka u l-iżvilupp b’mira li l-livell ta' investiment, pubbliku u privat, f'dan is-settur jogħla għal 3% tal-Prodott Domestiku Gross;

3.                  tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gass serra b'20% meta mqabbla mal-livelli tal-1990; żjieda għal 20% fil-proporzjon ta' enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija u li noqorbu lejn żieda ta' 20% fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Nixtieq infakkar li l-Unjoni Ewropea hija impenjata li tieħu deċiżjoni li tasal għal tnaqqis ta' 30% sal-2020 meta mqabbel mal-livelli tal-1990 fil-kuntest ta' ftehim mondjali u komprensiv għall-perijodu wara l-2012, sakem pajjiżi żviluppati oħrajn jimpenjaw ruħhom għal tnaqqis komparabbli fl-emissjonijiet u li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jikkontribwixxu adegwatament skont ir-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħhom;

4.                  titjib fil-livelli tal-edukazzjoni, b'mod partikolari tnaqqis fir-rata ta' persuni li joħorġu kmieni mill-iskola għal inqas minn 10% u żjieda għal mill-inqas 40% fil-proporzjon ta' dawk bejn it-30 u l-34 sena li jkunu kisbu livell ta' edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti;

5.                  promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, bil-għan li mill-inqas 20 miljun persuna joħorġu mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni.

Il-pass li jmiss huwa li fuq livell nazzjonali napplikaw u nimplimentaw dawn il-prioritajiet in vista tal-qagħda u r-realtajiet partikolari ta’ kull pajjiż. Kull pajjiż, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, ser jiffinalizza l-miri individwali tiegħu u jinkorporahom fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma.  Dan mhux azzjoni ta’ darba,  izda huwa proċess li jibqa’ għaddej u li jkompli jiġi rfinut maż-żmien.

Dan il-proċess għandu jinkludi wkoll il-linji politiċi komuni kollha li għanda l-Unjoni, inkluż il-politika agrikola, il-politika ta’ koezjoni kif ukoll oqsma oħra li qed jiżviluppaw, bħal per eżempju il-politika komuni dwar l-enerġija, l-aġenda diġitali għall-Ewropa u żviluppi fis-Suq Intern, partikolarment wara r-rapport ta’ Mario Monti dwar strateġija għas-Suq Wieħed.

Marbut ma’ dan kollu hemm żewġ elementi ewlenin oħra.  Dawn huma l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika, partikolarment tas-sorveljanza baġitarja u makroekonomika kif ukoll ir-riformi favur it-tisħiħ u l-istabbilità tas-sistema finanzjarja Ewropea.  Aħna qbilna li għandna nkomplu nibnu fuq il-Patt ta’ Stabbilità u Tkabbir u li nkomplu niżviluppaw is-sorveljanza li tindika minn kmieni tendenzi perikolużi u li mhumiex sostenibbli.  Kellna diskussjoni pjuttost twila dwar sistema ta’ levies fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji favur qsim ġust tal-piżijiet tal-kriżi u inċentivi għat-trażżin tar-riskji.  Il-pożizzjoni ta’ Malta hija favur din il-proposta sakemm din tkun aċċettata u inforzata minn kull pajjiż.

Dan kollu għandu jkun ko-ordinat ukoll fuq livell usa’, jiġifieri dak mondjali. Għalhekk kien hemm qbil biex l-Unjoni Ewropea tmexxi l-isforzi għall-introduzzjoni ta’ din is-sistema ta’ levies fil-G20, partikolarment waqt is-summit li jmiss f’Toronto.  Dan is-summit għandu jkun pass ieħor lejn il-ħruġ mill-kriżi permezz ta’ tkabbir b’saħħtu, sostenibbli u ekwilibrat.

PUNTI OĦRA

Punti oħra diskussi waqt din il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew kienu jinkludu il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil fejn ikkonfermajna l-Konkluzjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern (li nżammet fit-3 u 4 ta’ Ġunju 2010) kif ukoll l-impenn tal-Unjoni Ewropea favur il-Millennium Development Goals u fuq l-bidla fil-klima. 

Iddiskutejna wkoll l-Iran fil-kuntest tal-approvazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1929 mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda.  Qbilna li l-Kunsill tal-Affarijiet Barranin li jmiss jadotta miżuri tal-Unjoni Ewropea li ser jakkumpanjaw ir-Riżoluzzjoni tal-Ġnus Magħquda.  L-għan jibqa’ li l-problemi li hemm jiġu riżolti permezz tad-diskussjonijiet.  Kien għalhekk li l-Kunsill Ewropew reġa’ kkonferma l-impenn tal-Unjoni Ewropea għal soluzzjoni diplomatika dwar il-kwestjoni tal-programm nukleari tal-Iran. Ġie emfasizzat li r-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà hija lesta għal taħdidiet.

Mr Speaker,

Din kienet laqgħa oħra tal-Kunsill Ewropew immarkata mill-kriżi li d-dinja għaddejja minnha.  Biss kienet ukoll laqgħa li tħares ‘il quddiem b’fiduċja.  Hawnhekk nixtieq insemmi li f’din il-laqgħa qbilna li nilqgħu t-talba tal-Islanda u jibdew in-negozjati għas-sħubija ta’ dan il-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. 

Iddeċidejna wkoll li mill-1 ta’ Jannar li ġej, l-Estonja ser tissieħeb fiż-Żona Ewro.  Dawn huma konferma oħra tal-għaqal tad-deċiżjonijiet ta’ pajjiżna li jissieħeb  fl-Unjoni Ewropea u fiż-Żona Ewro.

Din kienet laqgħa fejn ikkomettejna ruħna biex inkomplu naħdmu għall-bżonnijiet taċ-ċittadini tagħna, partikolament fil-qasam tax-xogħol.    Dan ma jseħħx billi wieħed jaħrab mir-realtà.  Ikkomettejna ruħna li naħdmu favur stabilità finanzjarja għal tkabbir responsabbli u sostenibbli, favur titjib fl-edukazzjoni, fir-riċerka u l-iżvilupp, favur enerġija aktar nadifa, favur soċjetà aktar inklussiva.  Nawgura li f’din il-Kamra inkomplu b’dawn l-impenji favur il-membri kollħa tas-soċjetà tagħna.

pr1199  Konkulzjonijiet Kunsill Ewropew

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow