DISKORS TAL-ONOR. STEPHEN SPITERI, ASSISTENT PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, WAQT IT-TNEDIJA TAL-JOB SHADOWING PROGRAMME 2010 – SPTAR MATER DEI – IT-TNEJN, 28 TA’ ĠUNJU 2010
Wara s-suċċess miksub fil-proġett pilota ta’ Job Shadowing fil-qasam tal-Finanzi, li kien organizzat is-sena l-oħra bejn is-sezzjoni tal-Karrieri fil-Guidance and Counselling Unit flimkien mal-MFSA, din is-sena qed naraw mhux biss proġett simili ieħor fil-qasam tal-Finanzi, iżda t-tnedija ta’ proġett ta’ Job Exposure fil-qasam tas-Saħħa.
L-għanijiet ta’ proġetti bħal dawn huma bosta. F’dan il-każ partikolari, qed inressqu l-qasam tas-Saħħa, bil-karrieri kollha li joffri dan is-settur, eqreb lejn l-istudenti li għadhom fl-eta` ta’ skola sekondarja u għalhekk għadhom f’ċans tajjeb li jirriflettu dwar il-possibilita’ li jagħżlu karriera f’dan il-qasam, qasam li joffri varjeta` wiesgħa ta’ opportunitajiet.
It-tieni, għall-ewwel darba dawn l-istudenti ser ikollhom kuntatt dirett mad-dinja tax-xogħol, partikolarment xogħol f’dan il-qasam hekk delikat u importanti. Ser ikollhom l-opportunita` jaraw b’għajnejhom x’tinvolvi tmexxija ta’ dipartiment jew sezzjoni, x’jinvolvi xogħol ta’ kuntatt kontinwu man-nies, xi tfisser timxi mar-regolamenti tal-post tax-xogħol, kif għandha tkun imġieba korretta bejn kollegi, u bejn ħaddiema u min imexxihom, fost affarijiet oħra. Ser ikollhom iċ-ċans jirriflettu jekk karriera fil-qasam tas-Saħħa tgħoddx għalihom. Jekk jiddeċiedu li le, din l-esperjenza tkun ħalliet il-frott ukoll, għaliex ikunu ndunaw minn kmieni li hemm bżonn jibdew jaħsbu f’karriera alternattiva f’settur ieħor, minflok jibdew xi kors li mbagħad jieqfu f’nofsu.
Il-proċess ta’ kif intgħażlu dawn l-istudenti kien wieħed edukattiv fih innifsu. Kien proċess li jirrifletti r-realta` tad-dinja tax-xogħol. Ingħatat importanza lill-marki tal-eżamijiet, bħal ma fid-dinja tax-xogħol tingħata importanza lill-kwalifiki. Iżda mhux hekk biss. Kellhom jgħaddu wkoll minn proċess ta’ interview fejn dehru quddiem board magħmul minn għalliema u professjonisti oħra fil-qasam tal-Career Guidance. Għalhekk, il-kuntatt mar-realta’ tad-dinja tax-xogħol, anke għal dawk l-istudenti li ma ġewx quddiem nett fl-interview, diġa` beda.
Ringrazzjamenti:
1) Lill-HR Dept ta’ Mater Dei u l-Kapijiet tad-Dipartimenti li aċċettaw li jieħdu sehem f’din l-inizjattiva u fetħu l-bibien għall-istudenti tagħna
2) Lill-Prinċipali u Kapijiet tal-iskejjel, tal-appoġġ li taw għall-din l-inizjattiva
3) Lill-Guidance Teachers u professjonisti oħra fil-qasam tal-Career Guidance, li mexxew il-proċess kollu fl-iskejjel.
4) Lill-ġenituri tal-istudenti, li mhux biss taw il-kunsens tagħhom iżda bil-preżenza tagħhom qed jibqgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom
5) lill-protagonisti, l-istudenti nfushom, talli ħadu din l-opportunita`
Minn-naħa tagħna, aħna nħeġġuhom jagħmlu l-aħjar użu minnha.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990