DISKORS TAL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’, WAQT IT-TNEDIJA TAL-JOB SHADOWING PROGRAMME 2010 – SPTAR MATER DEI – IT-TNEJN, 28 TA’ ĠUNJU 2010
Onorevoli, għeżież studenti, ġenituri, kollegi,
Huwa pjaċir tiegħi li llum inniedi il-Job Shadowing Programme fi ħdan l-Isptar Mater Dei. Din hija inizjattiva li tifforma parti mill-Proġett Nazzjonali tal-Career Guidance Unit fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni, l-Impjieg u l-Familja, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Isptar Mater Dei. Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, 86 student tal-Form 4 minn diversi skejjel tal-Gvern se jqattgħu erbat ijiem f’wieħed mid-dipartimenti tal-Isptar Mater Dei. Fost id-dipartimenti li fihom l-istudenti se jieħdu esperjenza ta’ xogħol, insibu l-Farmaċija, il-Patoloġija, il-Medical Imaging, l-Oftalmoloġija u diversi dipartimenti oħrajn.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, dawn iż-żgħażagħ, Maltin u Għawdxin, se jkollhom esperjenza hands on u se jkunu jistgħu josservaw mill-qrib l-operat tal-isptar u tal-professjonijiet differenti fi ħdan l-istess sptar. Dan kollu, dejjem bil-miri li nħajjru aktar studenti biex jagħżlu professjoni fis-settur tas-saħħa.
Inizjattivi bħal din huma ta’ importanza kbira, speċjalment fis-settur tas-Saħħa. Nafu, li madwar id-dinja, tul dawn l-aħħar snin, sar sforz qawwi sabiex iż-żgħażagħ jagħżlu karrieri fis-setturi tal-informatika, it-teknoloġija u l-finanzi. Dan wassal biex il-maġġor parti tal-pajjiżi tal-punent għandhom nuqqas kbir ta’ ħaddiema u professjonisti fis-settur tas-Saħħa.
B’sodisfazzjon kbir nixtieq ngħid li ġejt infurmat li għal dan il-Job Shadowing, in-numru ta’ studenti li applikaw biex ikunu fl-Isptar Mater Dei kien ferm ogħla minn dak mistenni. Fil-fatt kellhom isiru interviews sabiex jintgħażlu l-istudenti li setgħu jipparteċipaw. Dan jawgura tajjeb ħafna għaliex ifisser li ż-żgħażagħ tagħna tinteresshom is-Saħħa u għandhom ħajra li jieħdu din il-linja ta’ studju bis-serjeta’.
Nixtieq, minn qalbi, nirringrazzja lid-dipartiment tar-Riżorsi Umani fi ħdan l-Isptar Mater Dei li ħadu din l-inizjattiva b’serjeta’ kbira. Konvint li l-ħidma tagħhom se tkjompli tgħin biex dawn iż-żgħażagħ japprezzaw iktar il-valur ta’ min jaħdem fi sptar u jifhmu iktar kemm għażla ta’ karriera fis-settur tas-Saħħa hija għażla ta’ sodisfazzjon kbir.
Il-Gvern lest li jkompli jinvesti aktar fis-Saħħa permezz tal-bini (bħall-isptar ta’ l-Onkoloġija), aktar apparat sofistikat (bħall-PET Scanner) u l-aqwa mediċini, iżda fuq kollox, lest li jinvesti f’aktar żgħażagħ li jridu jieħdu din il-karriera bis-serjeta’. Għandna bżonn mhux biss ta’ aktar tobba u infermiera, imma aktar radjografi, fiżjoterapisti, psikoloġisti u diversi professjonijiet oħrajn. L-opportunitajiet tax-xogħol għal min jikkwalifika sew f’dawn il-professjonijiet huma kbar u għalhekk il-ġenituri għandhom jagħmlu kuraġġ lil dawn iż-żgħażagħ.
Fl-aħħar nett, appell minn qalbi lil dawn l-istudenti; din hija sejħa, il-fatt li qegħdin hawn illum ifisser li għandkom xewqa li tkunu parti minn dan l-Isptar. Taqtgħux qalbkom! Għandkom għan nobbli quddiemkom, għandkom target ċar – intkom tixtiequ ssalvaw il-ħajja, tixtiequ jttejbu l-kwalita’ tal-ħajja, intkom tistgħu tagħmlu differenza fil-ħajja ta’ bosta nies – tfal, żgħażagħ u anzjani. Din hija sejħa – tħalluwiex taqa’ fuq widnejn torox. Il-futur tagħkom u tagħna jibda hawn, aħtfu din l-opportunita’.
GRAZZI
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990