L-GĦARB BI PROĠETT IEĦOR F’WIED IL-MIELAĦ BIEX JATTIRA TURIŻMU SOSTENIBBLI
Il-Kunsill Lokali tal-Għarb f’Għawdex qed iwettaq l-aħħar fażi tal-proġett ta’ tisbiħ ta’ Wied il-Mielaħ bi proġett ieħor b’valur ta’ 570,000 ewro. 85 fil-mija tal-proġett se jkun finanzjat mill-Unjoni Ewropea filwaqt li l-Gvern Malti se jkun qed jgħin billi jiffinanzja parti mis-somma li trid tinħareġ mill-Kunsill Lokali.
Il-proġett ta’ tisbiħ u rranġar ta’ Wied il-Mielaħ ilu għaddej diversi snin. Il-fażi li jmiss tax-xogħlijiet se tiffoka fuq il-ħolqien u l-irranġar ta’ mogħdijiet fil-kampanja b’tali mod li dan il-wied ikun aktar aċċessibbli u l-mixjiet fil-kampanja u madwar il-kosta jkunu aktar possibbli. Permezz ta’ dan il-proġett il-Kunsill Lokali tal-Għarb se jkun jagħfas fuq turiżmu sostenibbli b’ħarsien għall-ekoloġija u l-ambjent tal-inħawi.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said u s-Sindku tal-Għarb David Apap żaru Wied il-Mielaħ biex isegwu x-xogħlijiet li saru u li qed isiru f’dawn l-inħawi.
Fost l-oħrajn ingħata wiċċ ġdid lit-triq u inbena ċint matul it-triq kollha. Tjiebet l-aċċessibilita’ permezz tal-bini ta’ pontijiet fejn it-triq kienet taqsam il-wied. Sar it-tindif tal-wied u inbnew ħitan tas-sejjieħ kif ukoll ilqugħ ta’ l-ilma li ‘l quddiem jużawh il-bdiewa għat-tisqija. Se jitħawlu siġar kif ukoll se tkun installata għamara rustika biex il-post jkun jista’ jintuża għar-rikreazzjoni tal-familji.
Il-baħar li hemm taħt it-tieqa sar aċċessibbli għall-bugħaddasa billi se jitranġa t-taraġ li jwassal sal-baħar u tintrema platform għall-kumdita’ tal-għaddasa. Se jitpoġġew security cameras li jaħdmu permezz tal-enerġija alternattiva.
Qed jitwaħħlu tabelli indikattivi biex iservu ta’ gwida. Qed jiġi ppubblikat ukoll materjal informattiv bi brochures u ktejjeb dwar l-inħawi ta’ Wied il-Mielah u postijiet oħra ta’ interess fl-Għarb biex jintużaw bħala għajnuna għat–turisti li jinżlu fl-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ.
Barra minn hekk ser titnieda website ġdida dwar il-proġett biex anke jiġi rreklamat Għawdex għal turiżmu tat-trekking;
Fl-aħħarnett se jiġi stallat materjal awdjoviżiv kif ukoll tromba biex tgħin ukoll lit-turist li jżur il-post igawdi aħjar l-inħawi naturali.
Chris Said qal li permezz ta’ dan il-proġett se jkun qed jitjieb mhux ftit il-prodott turistiku li toffri din il-lokalita’ kif ukoll il-gżira Għawdxija b’mod ġenerali.
Hu faħħar l-inizjattivi tal-Kunsill Lokali tal-Għarb għax qed jaħdem biex joffri prodott turistiku rinnovat lill-viżitatur barrani u lokali li jżur lil Għawdex speċifikament għall-mixjiet fil-kampanja. Chris Said qal li dan ser jagħmel lir-raħal tal-Għarb iktar kompetittiv bħala destinazjoni turistika rurali. B’dan il-mod il-Kunsill qed ikun ukoll pijunier f’dan il-qasam anke fil-viżjoni tal-Gvern li jagħmel minn Għawdex Gżira Ekoloġika.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said tkellem ukoll dwar l-impenn tal-Gvern li jkompli jgħin lill-Kunsilli Lokali permezz ta’ diversi skemi ta’ għajnuna finanzarja biex iwettqu xogħlijiet u biex jimmassimizzaw l-użu tal-fonid Ewropej.
Il-Fond ta’ Ko-Finanzjament tal-Kunsilli Lokali li permezz tiegħu qed ikun megħjun il-Kunsill Lokali tal-Għarb, tant irnexxa, li din is-sena l-Gvern żiedu għal nofs miljun ewro. Dan il-fond kien wieħed mill-fatturi li għen biex fl-2009 il-Kunsilli Lokali wettqu diversi proġetti b’fondi tal-UE u b’valur totali ta’ 3.8 miljun ewro. Il-mira tal-Gvern hi li din is-sena jsiru b’6 miljun ewro fi proġetti b’fondi Ewropej.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990