STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA
Is-sitwazzjoni attwali dwar is-sospensjoni tal-programmi Ewropej
Fil-laqgha li saret fi Brussel fit-8 ta’ dan ix-xahar bejn il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja Dolores Cristina u l-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, Multilingwiżmu, Kultura u Żgħażagh Androulla Vassiliou, kien hemm ftehim li jkun hemm laqgħa teknika biex fiha jsir qbil dwar l-azzjonijiet meħtieġa biex titneħħa s-sospensjoni tal-Programmi Youth in Action u Lifelong Learning.
Fil-fatt, fit-23 ta’ dan ix-xahar saret laqgħa bejn delegazzjoni mmexxija mill-Aġent Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Saru diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet li hemm bżonn jittieħdu biex ikunu ndirizzati l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni biex eventwalment titneħħa s-sospensjoni. Kien hemm qbil li sa nhar it-Tnejn 28 ta’ Ġunju tintbagħat informazzjoni lill-Kummissjoni dwar x’passi se jittieħdu u sa meta, biex ikunu ndirizzati l-osservazzjonijiet kritiċi tal-Kummissjoni. Sat-2 ta’ Lulju, mbagħad, Malta trid tgħid lill-Kummisjoni meta u x’passi se jittieħdu biex ikunu ndirizzati l-osservazzjonijiet oħra li għamlet il-Kummissjoni. Jekk ikun hemm il-progress mixtieq fuq dan, il-Kummissjoni għandha tibgħat delegazzjoni f’Malta f’Settembru.
Kif diġa’ kienet ikkonfermat il-Kummissarju Vassiliou, fil-każ tal-programm Youth in Action, fil-każ ta’ dawk l-applikanti li kienu infurmati qabel is-7 ta’ Mejju li l-proġetti tagħhom kienu ingħażlu taħt is-sejħa deċentralizzata tal-2010, dawn jistgħu jitwettqu kif ippjanat.
Il-parteċipazzjoni ta’ organizazzjonijiet u individwi Maltin fl-azzjonijiet ċentralizzati tal-Youth in Action ukoll ma ntlaqtitx bis-sospensjoni u allura organizazzjonijiet u individwi Maltin jistgħu japplikaw flimkien ma Aġenziji Nazzjonali oħra.
Dwar il-Programm Lifelong Learning, il-proġetti kollha taħt is-sejħa deċentralizzata huma sospiżi. Madankollu qed isiru kuntatti kontinwi mal-Kummissjoni biex ikun stabbilit marġni ta’ flessibilita’ fir-rigward tal-Comenius, il-Grudtvig u l-Erasmus Intensive Training Courses, taħt dan il-programm.
Matul din il-ġimgħa l-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea, se tikkomunika direttament mal-benefiċjarji tal-proġetti li jistgħu jsiru kif ippjanat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990