DISKORS MILL-ONOR. JOE CASSAR, MINISTRU GHAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA`, WAQT PREŻENTAZZJONI TA’ MIKROSKOPJU MILL-ACTION FOR BREAST CANCER FOUNDATION
F’dawn l-aħħar ġimgħat ħabbarna diversi inizjattivi fil-ġlieda tagħna kontra l-marda tal-kanċer. Iżda l-marda tal-kanċer m’għandhiex tkun battalja tal-Gvern biss. Hija responsabbilta` tas-soċjeta` kollha.
Illum iltqajna fl-Isptar Mater Dei sabiex b’mod uffiċjali nilqgħu rigal li ġej minn settur importanti ħafna tas-soċjeta` Maltija - il-volontarjat - l-Action for Breast Cancer Foundation. Waħda mill-prinċipji li bihom titmexxa din il-fondazzjoni hija proprju l-ġbir ta’ fondi sabiex tinxtara l-aqwa teknoloġija fis-settur tal-onkoloġija. Ta’ din l-inizzjattiva tagħhom, u tax-xogħol fejjiedi fi ħdan is-soċjeta` Maltija, nibda biex ngħidilhom GRAZZI.
Il-kanċer tas-sider huwa l-iktar kanċer komuni fost in-nisa Maltin u Għawdxin. Għalkemm kien hemm żieda fl-inċidenza tal-każijiet (minn 180 każ għall-270 każ fis-sena), fortunatament kien hemm tnaqqis sostanzjali fl-imwiet marbutin ma’ dan il-kanċer. Fil-fatt, tul dawn l-aħħar għaxar snin, il-każijiet ta’ pazjenti li mietu minħabba kanċer tas-sider naqas bin-nofs, minn 40 għal 20 każ għal kull 100,000 persuna. Dan huwa riżultat inkoraġġanti ħafna li ta’ min wieħed jixtarru sew.
Bla dubju ta’ xejn, raġuni ewlenija għalfejn nisa qed jitfejqu minn dan il-kanċer, jew qed jgħixu aktar fit-tul huwa l-mod li bih qed jingħataw il-kura. L-ewwel nett hemm il-Multidisciplinary Team li għal dawn l-aħħar għaxar snin dejjem jiltaqa’ proprju f’din il-kamra darba fil-ġimgħa. Dan il-grupp ta’ professjonisti jikkonsisti f’kirurgi, radjoloġisti, patoloġisti, onkoloġisti, infermiera li jispeċjaliżżaw fil-kura tas-sider, radjografi, fiżjoterapisti, kif ukoll persuni oħrajn li jew qed jitħarrġu f’dan il-qasam jew jistgħu jagħtu kontribut siewi fil-proċess ħolistiku tal-kura u l-fejqan tal-kanċer tas-sider.
Tul dawn l-aħħar xhur, ma’ dan il-grupp ta’ professjonisti żdied ukoll it-team tal-breast screening. Ta’ min jinnota li permezz tal-breast screening, każijiet ġodda qed jinqabdu minn kmieni ħafna u dan il-Multidisciplinary Team qed ikun f’pużizzjoni aħjar biex jagħti l-kura meħtieġa.
Dan il-mikroskopju li qed jippreżentawlna l-Action for Breast Cancer Foundation huwa essenzjali fil-laqgħat tal-Multidisciplinary Team. Permezz tiegħu, il-patoloġisti juru slides tal-istat attwali tal-pazjenti u t-tim kollu jfassal il-proċess ta’ kura aħjar. Dan kollu dejjem isir b’għan wieħed – li tkompli titnaqqas il-mortalita` f’pazjenti li jkollhom il-kanċer tas-sider fil-waqt li tiżdied u titjieb il-kwalita` tal-ħajja.
Meta tlaqqa’ flimkien l-esperjenza u l-professjonalita` tal-individwi li jagħmlu parti mill-Multidisciplinary Team, l-użu ta’ dan il-mikroskopju u s-servizzi tal-Breast Screening, u żżid magħhom il-firxa aktar wiesgħa ta’ mediċini u trattamenti mill-aqwa, ir-riżultat bil-fors li jkun wieħed tajjeb.
Jiena sodisfatt ħafna bil-ħidma ta’ kull min hu nvolut fil-kura tal-kanċer tas-sider. Ottimist li f’oqsma oħra tal-onkoloġija nistgħu naslu li jkollna riżultati simili. Din il-ħidma kollettiva, bil-kontribut sostanzjali tal-volontarjat, tkompli tagħti tama lill-poplu Malti u Għawdxi kollu, b’mod partikolari lill-morda.
L-appell tiegħi hu biex dawk in-nisa kollha li qed jirċievu stedina sabiex jagħmlu screening tas-sider, jilqgħu din l-istedina mill-qalb u jserrħu rashom mill-aktar fis possibli. GRAZZI kbira għal darb’oħra lill-Action for Breast Cancer Foundation - il-kontribut tagħkom huwa apprezzat immens u se jagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ bosta nisa u l-familji tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990