Left arrow Mur Lura

STQARRIJA TAL-KUMITAT DWAR L-AFFARIJIET SOĊJALI

PR1173
Date Icon 24/06/2010

Laqgħa ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-ħames rapport maħruġ mill-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali ‘Rapport dwar il-Qorti tal-Familja ­­­– filwaqt li ssir ġustizzja mal-ġenituri għandha tingħata prijorità lill-ħtiġijiet tat-tfal sabiex titnaqqas it-trawma tas-separazzjoni tal-ġenituri fuq it-tfal. Inħarsu aktar id-drittijiet u l-interessi tat-tfal’

Il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali għamel żewġ laqgħat fejn dawk kollha li għandhom x’jaqsmu mal-Qorti tal-Familja flimkien mal-pubbliku in ġenerali ġie mistieden sabiex jagħmel il-proposti tiegħu jew jikkummenta fuq il-ħames rapport dwar il-Qorti tal-Familja. Dawn il-laqgħat saru nhar il-15 u 16 ta’ Ġunju fejn fl-ewwel laqgħa ġew mistiedna b’mod partikolari social workers u l-pulizija waqt li fit-tieni laqgħa ġew mistiedna avukati, medjaturi kif ukoll uffiċjali mill-Qorti tal-Familja. Peress li dan ir-rapport jagħti diversi proposti ta’ kif it-trawma tat-tfal tista’ tiġi mnaqqsa waqt u wara l-proċedura tas-separazzjoni, il-Kummissarju tat-Tfal attendiet iż-żewġ laqgħat.

Dawn li ġejjin huma diversi proposti li tqajmu minn dawk preżenti waqt din il-konsultazzjoni pubblika.

·         Użu ta’ prattiċi tajba

Helen D’Amato, Kummissarju tat-Tfal, qalet li fil-Qorti tal-Minuri ġa teżisti prattika tajba fejn jidħlu l-minorenni u din il-prattika tista’ tiġi applikata wkoll għall-Qorti tal-Familja. Il-Qorti tal-Familja tista’ wkoll tuża din il-prattika fejn, bħala proċedura u mhux jekk jiddeċiedi l-Imħallef, jidħlu s-social workers biex jissaħħaħ aktar ir-rwol tat-tfal fil-Qorti tal-Familja. Sar appell ukoll minn persuni preżenti li għaddejjin mill-esperjenza ta’ separazzjoni fejn saħqu li anke l-ambjent tal-Qorti tal-Familja m’huwiex adattat għall-preżenza tat-tfal. Jeħtieġ li l-ambjent ikun aktar child friendly sabiex it-tfal iħossuhom aktar komdi. Anke l-istruttura tal-Qorti tal-Familja mhux qed tgħin sabiex it-tfal ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom. F’dan ir-rigward il-Kummissarju tat-Tfal stqarret li jista’ jkun hemm allokazzjoni ta’ ħin fejn jinstemgħu t-tfal biss. Dr Fransina Abela stqarret li jeħtieq li jkun hemm aktar kontabbiltà fil-proċeduri tal-qorti sabiex ma jkunx hemm dawmien żejjed fil-proċess li jwassal għal separazzjoni. Ġie wkoll suġġerit minn dawk preżenti li ma jistax ikun li kawża ddum ma tinqata’ għal numru ta’ snin. Jeħtieġ li jkun hemm limitu ta’ kemm proċess ta’separazzjoni għandu jdum quddiem il-Qorti tal-Familja.

·         Żamma tal-privatezza 

Il-każijiet tas-separazzjoni huma każijiet sensittivi u li jirrikjedu privatezza assoluta. Kien hemm messaġġ qawwi minn fost il-pubbliku li l-preżenza tat-tielet persuna fil-qorti tal-familja qed iżżid it-tensjoni. Dr Emmy Bezzina stqarr ukoll li ma jaqbilx mal-prattika li l-kuntratt tas-separazzjoni jsir kuntratt pubbliku b’riżultat li l-poplu  in ġenerali jkollu aċċess għal dan il-kuntratt.

·         Introduzzjoni tal-fażi ta’ family therapy qabel il-fażi tal-medjazzjoni

Il-medjaturi saħqu li għalkemm l-ewwel tentattiv tagħhom huwa r-rikonċiljazzjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet dan qed ikun tard wisq. Sina Buġeja stqarret li l-proċess ta’ medjazzjoni kif inhu llum jidħol tard wisq fil-proċedura tas-separazzjoni. Però, il-medjaturi saħqu wkoll li huma mhumiex family councillors u xogħolhom huwa li ssir separazzjoni bejn il-koppja bl-aħjar mod possibbli. Kien hawn fejn ġie ssuġġerit illi qabel il-proċess tal-medjazzjoni, il-koppja tkun marret għal family therapy sabiex tkun mgħejuna fir-rikonċiljazzjoni.

·         Tisħiħ tar-rwol tal-Kummissarju tat-tfal

Kien hemm diversi kummenti minn dawk preżenti li saħqu li t-tfal huma l-aktar li jbatu meta l-ġenituri jisseparaw. Għalhekk ir-rwol tal-Kummissarju tat-Tfal għandu jissaħħaħ sabiex jiġu salvagwardjati l-interessi tat-tfal fil-proċess tas-separazzjoni tal-ġenituri. Yvonne Mallia mill-Appoġġ saħqet li l-liġi għandha tippermetti lill-Kummissarju tat-Tfal sabiex l-uffiċċju jkun jista’ jinvestiga fil-proċess ta’ separazzjoni. Dan għaliex l-Appoġġ tirċievi diversi lmenti fuq kemm id-drittijiet tat-tfal qed jiġi salvagwardjati f’dawn il-proċessi.

·         Tisħiħ tar-rwol tas-social workers fil-proċess ta’ separazzjoni u l-Qorti tal-Familja

Ġie suġġerit ukoll li s-social workers ikunu involuti mill-bidu nett anke meta jkun hemm ir-rapporti fl-għassa tal-pulizija L-Ispettur Graziella Muscat saħqet fuq l-importanza tar-rwol tas-social workers. Huwa importanti li s-servizz tas-social workers ikun disponibbli l-ħin kollu. Kemm dwar il-proposti fuq ir-rwol aktar wiesa’ tal-uffiċċju tal-Kummissarju tat-Tfal, kif ukoll il-bżonn li s-servizz tas-social worker ikun disponibbli l-ħin kollu, Helen D’Amato, il-Kummissarju tat-Tfal, u Sina Buġeja stqarru li dan jista’ jseħħ biss jekk ikun hemm żieda fir-riżorsi umani.

·         Jinstemgħu aktar it-tfal

Ġenitur preżenti stqarr kemm huwa importanti li jinstemgħu t-tfal sabiex jiġi evalwat x’inhuma l-kawża tal-uġigħ li dawn it-tfal qed iġorru minħabba s-separazzjoni tal-ġenituri. Dan l-argument ġie msaħħaħ mill-Kummissarju tat-Tfal li stqarret ukoll kemm hu importanti li nisimgħu t-tfal sabiex id-drittijiet tagħhom jiġi salvagwardjati. Intqal ukoll li titjib fil-proċedura tas-separazzjoni, ifisser nuqqas tat-trawma fuq it-tfal u jfisser ukoll investiment għall-ġejjieni. Dan l-argument ġie konfermat meta l-Ispettur Sandro Camilleri stqarr, li f’ ħafna każijiet li jidhru quddiem il-Qorti tal-Minuri huma marbutin ma’ każijiet ta’ separazzjoni tal-ġenituri. Dan jirrifletti l-konklużjoni tal-ħames rapport dwar il-Qorti tal-Familja li jgħid; ‘Dak li l-Istat ma jagħmilx biex inaqqas kemm jista’ jkun l-effetti negattivi tat-trawma fi stadju bikri, l-Istat ikollu jħallas għalih meta t-tfal isiru adulti’. Dan is-suġġeriment ġie milqugħ mill-kumitat, fejn intqal li bl-għajnuna tas-social workers flimkien mal-Kummissarju tat-Tfal ser titħejja laqgħa fejn it-tfal ikunu jistgħu huma wkoll isemmgħu leħinhom.

·         Moniteraġġ aktar b’saħħtu waqt li jkun għaddej il-proċess ta’ separazzjoni kif ukoll wara

Messaġġ ieħor importanti huwa li għandu jkun hemm moniteraġġ wara li tinqatà l-kawża tas-separazzjoni jew inkella wara li jiġi ffirmat il-kuntratt. Dan għandu jsir bħala parti mill-proċedura tal-Qorti u mhux b’deskrizzjoni tal-ġudikatura. Il-Kummissarju tat-Tfal saħqet li ċ-ċirkostanzi tal-ħajja jinbidlu u għaldaqstant jistgħu jinqalgħu xi problemi f’xi żmien wara li l-kuntratt jiġi ffirmat. Għalhekk jekk ikun hemm moniteraġġ fuq il-partijiet, speċjalment meta jkun hemm it-tfal, dawn id-diffikultajiet jistgħu jiġu indirizzati b’anqas diffikultà. Barra minn hekk, moniteraġġ ikun ifisser ukoll nuqqas t’abbuż tal-kuntratt jew sentenza minn xi parti. Ġenitur poġġa l-mistoqsija; x’garanzija għandu li l-mantiment qed imur għall-bżonnijiet tat-tfal? Għalhekk hemm il-bżonn ta’ moniteraġġ fuq il-każijiet ta’ separazzjoni.

·         M’għandux ikun hemm limitu ta’ età fejn jidħol il-manteniment meta jkun hemm tfal b’diżabbiltà

Il-Kummissarju tat-Tfal stqarret kemm hu importanti li ma nħallux barra t-tfal b’diżabiltà fejn id-dipendenza tagħhom ma tieqafx mat-tmintax-il sena. Għalhekk m’għandux ikun hemm limitu ta’ età fejn ikun hemm persuni b’diżabiltà fejn jidħol manteniment. Kien suġġerit ukoll li l-limiti ta’ età sa fejn ikun hemm l-obbligu li jingħata l-manteniment titwal f’każijiet ġenwini fejn l-ulied ikunu jridu jibqgħu jistudjaw.

·         Ħtieġa ta’ edukazzjoni aħjar lill-koppji li deħlin għaż-żwieġ

Kien hemm ukoll messaġġ qawwi minn fost dawk preżenti li saħħqu kemm hu importanti li s-soċjetà tħejji b’mod aħjar lill-koppji qabel jagħmlu l-pass taż-żwieġ. F’dan ir-rigward ic-Chairman Hon Edwin Vassallo qal li l-media wkoll għandha rwol importanti fil-messaġġ li qed tgħaddi lis-soċjetà tagħna.

Għal dawn il-laqgħat ipparteċipaw ukoll l-Onor Edwin Vassallo (Chairman), l-Onor Fredrick Azzopardi, l-Onor Justyne Caruana, l-Onor Michael Farrugia, l-Onor Michael Gonzi, l-Onor Peter Micallef, l-Onor Anthony Zammit.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow