ŻIEDA QAWWIJA FIN-NUMRU TA’ KONSUMATURI MEGĦJUNA MIĊ-ĊENTRU EWROPEW GĦALL-KONSUMATUR
Tul l-ewwel ħames xhur tal-2010, iċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur (ECC) irċieva 37 fil-mija aktar ilmenti mill-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Is-sejħiet u t-talbiet għall-informazzjoni ukoll żdiedu b’55 fil-mija.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u l-Kompetizzjoni Ġusta, l-Onor. Chris Said qal li dan juri li bil-mod il-mod il-konsumatur qed isir aktar konxju tad-drittijiet tiegħu anki meta jixtri servizzi u prodotti on-line jew minn pajjiżi barranin. Il-konsumatur qed ifittex dejjem aktar l-għajnuna tal-awtoritajiet kompetenti meta jħoss li ma jkunx ingħata l-aħjar servizz jew prodott kif ikun stenna.
Chris Said żar l-uffiċju tal-ECC fil-Belt Valletta fejn intlaqa’ minn Mireille Vella, id-Direttur tad-Dipartiment għall-Konsumatur u l-Kompetizzjoni (CCD), u minn Claude Sammut, li jmexxi l-ECC f’Malta. Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Konsumatur, Benny Borg Bonello.
Il-ECC joffri informazzjoni u assistenza lill-konsumatur meta jixtri minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea. L-għan ewlieni taċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur hi li konsumatur li jixtri minn wieħed mill-pajjiżi li jipparteċipaw fis-Suq Intern Ewropew, ikollu livell ta’ protezzjoni adegwat. Dan hu proġett konġunt bejn il-Kummissjoni Ewropea u Malta u bħalu jeżistu 28 oħra fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, fin-Norveġja u fl-Iżlanda.
Din is-sena il-ECC diġa rċieva 227 ilment fosthom 103 ilmenti minn konsumaturi Maltin kontra negozjanti Ewropej, u 124 ilment minn konsumaturi Ewropej kontra negozjanti Maltin.
Il-ECC ipproċessa wkoll 2,189 sejħa li minnhom 581 kienu relatati direttament max-xogħol taċ-Ċentru.
Chris Said qal li Malta għandha t-tieni l-akbar persentaġġ ta’ konsumaturi li jixtru minn fuq l-internet fl-Ewropa. Dan jirriżultat minn stħarriġ li sar is-sena li għaddiet mill-Kummissjoni Ewropea. Kien għalhekk li l-ECC ħadem qatigħ biex is-sena li għaddiet nieda lil Howard – The Shopping Assistant – sit elettroniku meqjus biċċa għodda mill-aktar importanti biex il-konsumatur jitgħallem iħares l-interessi tiegħu meta jixtri on-line.
Il-ECC igawdi minn ftehim li kien iffirmat fis-snin li għaddew u li permezz tiegħu l-Unjoni Ewropea tirrifondi 50 fil-mija tal-ispejjeż li jagħmel.
Iċ-Ċentru jagħti informazzjoni dwar diversi oqsma ta’ interess għall-konsumatur fosthom id-drittijiet tal-passiġġieri li jsiefru bl-ajru, it-timeshare, il-metodi ta’ ħlas, u l-klassifikazzjoni ta’ stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni.
Iċ-Ċentru jippubblika wkoll materjal edukattiv, fosthom materjal dwar xiri ta’ vetturi mill-Unjoni Ewropea, xiri minn fuq l-internet, prattiċi kummerċjali mhux ġusti u aspetti varji ta’ turiżmu f’Malta.
Fl-2009 iċ-Ċentru ipparteċipa f’erba’ proġetti ta’ riċerka konġunta tax-Xibka ta’ Ċentri Ewropej tal-Konsumatur u din is-sena qed jipparteċipa f’erba’ proġetti oħra. Iċ-Ċentru għandu wkoll il-mira li jinkoraġixxi l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ riżoluzzjoni ta’ diżgwid barra l-Qrati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990