PROGRAMM TA’ TAĦRIĠ GĦALL-PROFESSJONISTI LI JIPPROVDU SERVIZZ LILL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità nidiet programm ta’ taħriġ għall-professjonisti li jipprovdu servizz lill-persuni b’diżabilità biex dawn ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti’ (Training Trainers Providing an Independent Living Service for Disabled People).
L-Assistant Parlamentari fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, l-Onor. Stephen Spiteri, li flimkien ma’ Joe Camilleri, Chairman tal-KNPD, inawgura dan il-programm, qal li l-Gvern jgħin persuni b’diżabilita’ biex ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar u komda. Din l-għajnuna tingħata permezz ta’ servizzi minn aġenziji bħalma hi l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’, kif ukoll mill-Gvern direttament.
Dr Spiteri insista dwar l-importanza tal-ħidma flimkien bejn professjonisti li jaħdmu f’dan il-qasam bħal m’huma t-tobba, l-occupational therapists u professjonisti oħra li jaħdmu direttament ma’ persuni b’diżabilita’ biex flimkien tintlaħaq il-mira komuni li nagħtu ħajja aħjar lil dawn in-nies.
Stephen Spiteri semma d-diversi miżuri li l-Gvern ħa favur persuni b’diżabilita’ kemm fil-qasam tax-xogħol, fil-qasam tal-edukazzjoni, tal-akkomodazzjoni soċjali u f’dak mediku u sostna li hemm bżonn li dawn is-servizzi jkomplu jissaħħu.
Dawn il-programmi ta’ taħriġ huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea (Fond Soċjali Ewropew - Proġett 3.42) u jvarjaw minn korsijiet organizzati f’Malta u barra minn Malta, flimkien ma’ konferenzi u żjarat f’ċentri barra minn xtutna. Dan il-proġett se jipprovdi taħriġ għall-professjonisti tat-terapija rijabilitattiva, l-aktar il-Fiżjoterapisti u l-Occupational Therapists, u l-Għalliema tas-Sewqan biex jiġu kwalifikati ħalli jibdew jagħtu pariri u appoġġ lill-persuni b’diżabilità permezz tal-KNPD u t-Taqsima Ħajja Indipendenti f’Ħal-Far.
Il-korsijiet ta’ taħriġ li se jsiru f’Malta se jiġu organizzati f’din is-sena u fl-ewwel xhur tal-2011 u se jinkludu numru kbir ta’ esperti Maltin u barranin li se jagħtu taħriġ interattiv. Dawn il-korsijiet se jsiru fid-Dar tal-Providenza u l-KNPD qed tikkollabora ma’ numru ta’ ċentri internazzjonali biex torganizza korsijiet varji li se jsiru matul l-istess perjodu ta’ tnax-il xahar. Dawn il-korsijiet se jikkombinaw sessjonijiet ta’ teorija u prattika, filwaqt li jintużaw ir-riżorsi u l-faċilitajiet ta’ ċentri internazzjonali magħrufa.
Dawn iċ-ċentri internazzjonali jinkludu:
· l-Fondazzjoni Queen Elizabeth (QEF), Ċentru tal-Mobilità fejn l-għan primarju hu li jiżgura li adulti b’diżabilità jkunu jistgħu jaċċessjaw it-taħriġ u l-appoġġ meħtieġ biex jilħqu l-mira tagħhom f’sewqan adattat;
· il-Konsulent tal-Mobilità Peter Roake li għandu 25 sena esperjenza fl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet rigward il-mobilità tal-klijenti anzjani u persuni b’diżabilita’ fuq livell internazzjonali;
· l-Assist UK li tmexxi numru ta’ Ċentri ta’ Ħajja Indipendenti madwar ir-Renju Unit, u
· l-Oxford Centre for Enablement (OCE) li hu ċentru li jtejjeb il-kwalita’ ta’ ħajja ta’ kull persuna b’kundizzjoni fit-tul, li jippermettu l-persuni b’diżabilità li jkollhom l-opportunità li jgħixu ħajja attiva u komda permezz ta’ l-użu ta’ teknoloġija assistiva.
Il-KNPD, permezz ta’ dan il-Proġett, se tibgħat numru ta’ parteċipanti għal żjarat f’ċentri barra minn Malta. Dawn il-professjonisti se jingħataw l-opportunità li jaraw b’għajnejhom stess il-prattiċi, il-proċeduri u t-tagħmir li jintuzaw biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.
Organiżazzjonijiet oħra li qed jappoġġjaw din l-inizjattiva huma l-AutoAdapt fir-Renju Unit u ċ-Ċentru Paravan fil-Ġermanja.
Il-KNPD ippjanat il-parteċipazzjoni ta’ numru ta’ professjonisti f’konferenzi varji barra minn Malta. Uħud minn dawn l-avvenimenti internazzjonali nklużi fl-itinerarju huma Moving and Handling People 2011 li se ssir f’Londra, il-Konferenza Posture and Wheeled Mobility li se ssir fi Glasgow u Rehacare li se ssir f’Düsseldorf.
Dawn il-programmi ta’ taħriġ, li se jsiru kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna, se jiffukaw fuq tliet temi prinċipali: Taħriġ dwar Wheelchairs u Seating, taħriġ rigward Adaptive Driving u taħriġ rigward Adaptive Equipment.
Qabel ma ġew organizzati dawn il-programmi ta’ taħriġ, il-persuni b’diżabilità kienu jħallsu minn buthom is-safar barra minn Malta biex imorru f’ċentri speċjalizzati ħalli jkunu eżaminati u mħarrġa. Il-professjonisti tat-terapija rijabilitattiva li se jipparteċipaw f’dawn l-iskemi ta’ taħriġ, wara jkunu jistgħu jagħtu pariri u appoġġ lill-persuni b’diżabilità f’Malta u b’hekk l-inkonvenjenzi, in-nuqqas ta’ appoġġ u ta’ riżorsi professjonali tal-passat f’dan il-qasam speċjalizzat jiġu eliminati.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990