SITTAX-IL GĦAQDA TA’ KARITÀ JIRCIEVU AKTAR MINN €250,000 BIEX IWETTQU PROĠETTI TA’ FEJDA F’PAJJIŻI FOQRA
Il-Gvern Malti permezz tal-fond għall-Assistenza għall-Iżvilupp Barrani (Overseas Development Assistance - ODA) ippreżenta total ta’ €256,310 f’donazzjonijiet lil 16-il għaqda karittativa sabiex iwettqu proġetti umanitarji f’pajjiżi fl-Afrika, fl-Ażja u fl-Amerika.
Dawn il-fondi ġew preżentati mill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin, l-Onor. Tonio Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Dar San Ġużepp f’Santa Venera. Din id-dar jieħdu ħsieba l-Patrijiet tas-Soċjeta’ Missjunarja ta’ San Pawl li flimkien ma’ numru oħra ta’ għaqdiet se jkunu qed igawdu minn dawn il-fondi biex iwettqu l-proġetti tagħhom.
Dan il-fond ta’ għajnuna huwa mħaddem mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u għandu l-għan li jsaħħaħ l-għajnuna ta’ Malta lejn l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżi li jenħtieġu għajnuna. Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin jemmen li sabiex ikun miġġieled il-faqar għandha tingħata għajnuna għall-iżvilupp ta’ dawn il-pajjiżi. Il-Ministeru bhal m’ghamel fl-aħħar sentejn, qed ikompli jimxi fuq dan il-ħsieb billi jghin lill-organizzazzjonijiet ta’ karita’ iwettqu l-hidmiet taghhom.
Il-progetti li se jitwettqu huma dawn :
1. Kull Bniedem Ħija (KBĦ)
Proġett minn Fr Victor Scicluna biex jipprovdi x-xiri ta’ tagħmir għal ċentru f’Sigomere, fil-Kenja u biex jgħin f’miżati ta’ tagħlim għal sena. Il-programm ta’ tahrig jikkonsisti f’sitt workshops ta’ tahrig f’hiliet bhal m’huma l-ICT, fil-ħjata, mastrudaxxa, parrukkiera, arti u crafts. L-għajnuna mogħtija hija ta’ €13,128
2. Missionary Congregation of the Sisters of St Joseph of the Apparition
Proġett f’Addis Ababa fl-Etiopja biex jinbena Ċentru ta’ Studju li se jservi bħala bini biex jintuża għal programmi edukattivi, bħat-tagħlim fl-ICT. Dan iċ-Ċentru se jipprovdi wkoll akkomodazzjoni u wens għat-tfal li jkollhom bżonn attenzjoni medika urġenti. Il-bini li qed jiġi propost se jgħin lill-Kongregazjoni tipprovdi trattament uman lit-tfal żvantaġġati b’aċċess għal servizzi bażiċi f’ambjent ta’ mħabba u rispett.
L-għajnuna mogħtija tlaħħaq €18,000.
3. Mission Fund (Malta)
Il-Mission Fund se twettaq proġett ta’ kostruzzjoni li jipprovdi akkomodazzjoni: Hostel ta’ 20 kamra kompluti bi kċina, faċilitajiet sanitarji u faċilitajiet oħrajn biex jakkomoda l-istaff mediku u paramediku tal-Isptar Makiungu fir-Reġjun ta’ Singida fit-Tanzanija li jitħaddem mill-Missjunarji Mediċi ta’ Marija. Dan il-Proġett se jżid il-postijiet ta’ akkomodazzjoni għall-istaff li jispeċjalizzaw f’oqsma partikolari magħrufa bħala Non-Communicable Diseases, fir-Reġjun ta’ Singida. Se tingħata għajnuna ta’ €18,000.
4. Daughters of the Sacred Heart
Il-Proposta imressqa mis-Sorijiet tad-Daughters of the Sacred Heart hija sabiex jitkompla proġett skolastiku b’kostruzzjoni ta’ 8 klassijiet li jakkomodaw madwar 320 tifel u tifla, librerija u uffiċju. Dan il-bini se jkun bħala estensjoni għan-nursery li l-ko-finanzjament kien provdut mill-Ministeru s-sena li għaddiet. L-għan tal-propett huwa li jipprovdi edukazzjoni primarja lit-tfal u żgħażagħ f’Busa li huwa subborg ta’ Dar Es Sallaam, fit-Tanzania. Il-fond pprovdut din is-sena se jkun ta’ €18,000.
5. Parroċċa Marija Addolorata – San Pawl Il-Baħar
Il-proposta imressqa mill-“Parroċċa Marija Addolorata” Kunvent San Frangisk, San Pawl il-Baħar għan-nom ta’ ASSISI SNEHALAYA HIV/AIDS REHABILITATION CENTRE f’Tamil Nadu, fl-Indja hija sabiex tiffinanzja l-kapital neċessarju biex isir il-proġett. Dan iċ-ċentru huwa dar ta’ faraġ u ċentru ta’ riċerka għall-nies morda bl-HIV/AIDS. Din id-dar tissuplixxi għajnuna medika u psikoloġika lir-residenti tagħha li kif għedna huma morda bl-HIV/AIDS u li m’għandhomx fejn joqgħodu. Il-fond għal dan il-proġett se jkun ta’ €18,000.
6. CAMYouths
Il-proġett ta’ CAMYouths jinvolvi l-estensjoni ta’ skola primarja u secondarja f’Ċentru tal-Komunità f’Lahore Pakistan. Dan il-proġett għandu l-għan edukattiv li jnaqqas il-problemi soċjali billi jipprovdi edukazzjoni lill-fqar u jsaħħaħ l-possibilta tagħhom għall-futur aħjar. Dan il-proġett jindirizza partikolarment lit-tfajliet u t-tfal fil-belt ta’ Asif fl-Lahore. Il-komunità proposta se tipprovdi faċilitajiet ta’ matul il-jum għan-nisa u t-tfal u se tipprovdi taħriġ edukattiv lil dawn in-nisa. Se tingħata għajnuna ta’ €18,000.
7. SOS Malta
Dan il-proġett mressaq minn SOS Malta għal-ġbir ta’ ilma tax-xita fil-Villaġġ ta’ Namagoma fid-distrett ta’ Masak fl-Uganda. L-għan ta’ dan il-proġett huwa biex isaħħaħ il-kundizzjonijiet fejn jgħixu u jipprovdi aċċess għall-ilma nadif għax-xorb u għall-bżonnijiet sanitarji oħra. Fl-istess waqt ukoll għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-mara billi jipprovdi dħul ġġenerat minn ħidma tagħhom stess permezz ta’ taħriġ biex iwaqqfu l-koperattivi tagħhom. Il-fondi li se jingħataw jammontaw għall-€18,000.
8. St Jeanne Antide Foundation
Dan huwa proġet tal-Fundazzjoni St Jeanne Antide għall-bini mill-ġdid ta’ Klinika tas-Saħħa għall-foqra li jinsabu f’Chak, fid-distrett ta’ Faisalabad fil-Pakistan. Il-Klinika tas-Saħħa kienet ġġarfet fit-terremot fl-2005. L-istruttura eżistenti se titwaqqa kompletament u se tinbena klinika ġdida. Din il-klinika se tibqa’ sservi lill-foqra u tipprovdi servizz ta’ emerġenza għal nies morda. Se tingħata għajnuna ta’ €15,964.
9. Fr Anton Grech (Parish Priest in Izabal, Guatemala)
Fr Anton Grech qed jipproponi l-estensjoni ta’ proġett ta’ fish farm fil-parroċċa ta’ Izabel fil-Gwatemala għall-izvilupp sostenibbli. Fl-2007, Fr Anton Grech bl-għajnuna ta’ voltuniera Maltin mill-Mission Fund bdew proġett ta’ fish-farm f’parroċċa oħra, liema proġett kien suċċess għal popolazzjoni ta’ Jalapa. Il-proġett għandu l-għan li jipprovdi opportunitajiet ta’ xogħol u jtejjeb il-livell ta’ għixien tal-popolazzjoni lokali. Għandu l-għan ukoll li jinkorpora korsijiet ta’ taħriġ fis-sajd u jżid l-esperjenza fil-kummerċ tal-fish-farms. L-għajnuna li se tingħata hija ta’ €18,000.
10. Missjoni Etijopja
Missjoni Etijopja talbet iktar fondi għall-proġett ta’ Housing f’Bahri Dar, fl-Etijopja li għaliha din l-organizzazzjoni ibbenefikat mill-fondi tas-sena li għaddiet tal-ODA. Minħabba l-kriżi finanzjarja li laqtet dan il-pajjiż, l-estimi finanzjarji għall-proġett eżistenti reġgħu ġew evalwati u saru tibdliet sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż. Minħabba li l-proġett beda, numru ta’ units kienu diġà lesti u oħrajn qed jiġu mibnija. Kien hemm tibdil fil-pjan oriġinali u dan sar billi żdiedu il-kobor tal-blokki minn 4 għall-8 units u bi djar mibnija biex jipprovdu akkomodazzjoni bażika u standard għall-popolazzjoni. L-għajnuna li se tingħata hija ta’ €18,000.
11. Signum Fidei Malta
Signum Fidei Malta qed tipproponi proġett intitolat ‘Malta Signum Fidei Project Sri Lanka’, li l-għan ewlieni tiegħu hu li jagħti opportunità lit-tfal affettwati mill-gwerra ċivili riċenti sabiex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom f’ambjent san. Dan il-proġett se jevolvi madwar tlett faċilitajiet li huma l-Mannar Hostel għat-tfal subien, l-LCES (Lasallian Centre for Educational Services) f’Colombo u Mannar Orphan Boys fis-Sri Lanka. Il-fondi li se jingħataw huma €18,000.
12. KOPIN
Kopin qed jipproponi proġett fl-Etijopja biex jappoġġja l-EDA Medical Centre u l-ħidma tagħha biex tipprovdi servizzi tas-saħħa lill-komunitajiet foqra ta’ Akaki Kality fl-Etijopja. Se jingħataw fondi ta’ €18,000.
13. INIZJAMED
Din hija proposta għall-proġett magħmula minn Inizjamed, biex jappoġġjaw tlett istituzzjonijiet ta’ tagħlim fis-slums ta’ Nairobi fil-Kenja. L-għan ta’ dan huwa li jipprovdu appoġġ u joħolqu ambjent sostenibbli għall-edukazzjoni, għall-kura tal-orfni u miżuri ta’ appoġġ għall-komunità. Il-benefiċjarji ta’ dan il-proġett huma l-istudenti u l-istaff tal-istituzzjonijiet edukattivi fis-slums tal-kapitali tal-Kenja Nairobi, u l-komunitajiet relatati. B’kollox, madwar 850 tifla u tifel u 50 staff se jibbenefikaw direttament mill-proġett. Se tingħata għajnuna ta’ €18,000.
14. Fr Nicholas Schembri Farrugia MSSP
Fr Schembri Farrugia qed jipproponi proġett biex isaħħaħ kumpless parrokjali eżistenti bil-kostruzzjoni ta’ dormitorji u kmamar tal-ikel għall-parroċċa stess. Il-Kumpless parrokkjali serva bħala ċentru għall-diversi attivitajiet għal-laqgħat taż-żgħażagħ, irtiri, sprts, u attivitajiet għall-anzjani. B’dan il-proġett il-komunità se tiffoka fuq żewġ prioritajiet, il-formazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa. Il-proġett jikkonsisti fi tmien kmamar b’sodod, u faċilitajiet sanitarji. Huwa maħsub li jkunu kostruwiti wkoll kċejjen, kmamar tal-ikel u żewġt ikmamar oħrajn. L-għajnuna li se tingħata hija ta’ €18,000.
15. Missionary Society of St. Paul (MSSP)
Is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl qed tipproponi Centri ta’ Formazzjoni taż-Żgħażagħ fil-Filippini. Fihom se tkun qed tinvesti f’kompjuters u tagħmir ieħor biex jgħin lill-istudenti jistudjaw l-ICT. Il-proġett jikkonsisti fix-xiri ta’ kompjuters u tagħmir ieħor marbut ma’ dan. Se tingħata għajnuna ta’ €4,000
16. Aldea Infantil Sagarad Familia
Id-Direttur tal-Aldea Infantil Sagarad Familia, Fr Frank Cortis qed jipproponi rinnovazzjoni ta’ dormitorju u kwartieri ta’ studju għad-djar tat-tfal fil-Belt ta’ Arequipa fil-Perù. Il-fond li se jingħata hu ta’ €7,218.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990