STQARRIJA MILL-MINISTERU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITA’
Ir-rata tal-kanċer fix-Xlokk ta’ Malta hi anqas mill-medja nazzjonali.
B’referenza għall-artikli li dehru fl-Orizzont u f’The Malta Today dwar mard tal-kanċer fix-Xlokk ta’ Malta, minn statistika miġbura mir-Reġistru Nazzjonali ta’ l-Imwiet, fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità, jirrizulta li, matul il-firxa ta’ snin 2000 sa 2008, il-lokalità ta’ Birżebbuġa kellha medja ta’ 13-il mewt fis-sena minħabba l-kanċer. Dawn is-snin intgħażlu biex wieħed iħalli żmien biżżejjed sabiex xi kanċer li seta’ rriżulta fuq medda ta’ snin jilħaq jingħaraf u jinqabad mis-servizzi tas-saħħa.
Meta wieħed jaħdem ir-rata ta’ mwiet bil-kanċer fuq il-popolazzjoni ta’ Birżebbuġa, din tammonta għal medja ta’ 17-il mewt fis-sena kull 10,000 persuna. Din ic-cifra, hi anqas mir-rata nazzjonali li hi ta’ 19-il mewt fis-sena kull 10,000 persuna. Fil-fatt kemm din iċ-ċifra ta’ B’Bugia, kif ukoll dik tar-reġjun kollu tax-Xlokk ta’ Malta (16.5 mewt fis-sena kull 10,000 persuna), jirriżultaw li huma anqas mir-rata nazzjonali b’mod sinjifikanti. Din ir-rata hija fil-fatt l-inqas waħda minn tar-reġjuni kollha ta’ Malta u Għawdex. Id-definizzjoni Ewropeja (NUTS) tax-Xlokk ta’ Malta tinkludi ż-Żurrieq, Ħal-Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, Ħal-Safi, l-Gudja, Birżebbuġa, Marsaxlokk, iż-Żejtun, Ħaż-Żabbar. ix-Xgħajra u Wied il-Għajn.
Għaldaqstant, fil-lokalità ta’ Birżebbuġa u fl-inħawi ta' madwar, ir-rata tal-kancer hi anqas mill-medja nazzjonali u ma jirrizultax li l-irmied li saret referenza għalih seta' kkawza zidiet fir-rati tal-kancer.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990