S MILJUN EWRO GĦAL LOKALITAJIET B’REALTAJIET U ĦTIĠIJIET PARTIKOLARI
Hamsa u għoxrin Kunsill Lokali fosthom ħamsa minn Għawdex se jieħdu 530,000 ewro bejniethom biex jindirizzaw ħtiġijiet speċjali li għandhom fil-lokalitajiet tagħhom riżultat ta’ realtajiet partikolari li mhux neċessarjament jeżistu f’lokalitajiet oħra.
Il-Fond għal-Lokalitajiet bi Bżonnijiet Speċjali twaqqaf apposta fl-2009 biex permezz tiegħu il-Kunsilli Lokali jingħataw finanzjament addizzjonali għal responsabbiltajiet diretti li huma għandhom iżda li l-allokazzjoni finanzjarja li jirċievu ma taħsibx biżżejjed għalihom. Dan peress li l-allokazzjoni diretta hi maħduma fuq diversi fatturi fosthom fuq il-popolazzjoni residenti.
Permezz ta’ dan il-fond jiġu ndirizzati diversi problemi maħluqa minħabba żieda temporanja fin-numru ta’ nies li jgħixu jew jgħaddu minn dak il-lokal kif ukoll minħabba kawżi oħra. Il-fondi miksuba permezz ta’ dan il-fond jistgħu jintużaw għall-ġbir ta’ skart, tindif u manutenzjoni.
Hekk per eżempju il-Belt Valletta hi meqjusa li għandha bżonnijiet speċjali minħabba l-influss qawwi ta’ viżitaturi, l-ammont kbir ta’ ħwienet, uffiċini, ministeri u dipartimenti li kollha jiġġeneraw ammont kbir ta’ skart. Il-Kunsill Lokali tal-belt kapitali Maltija se jirċievi flus proprju biex ikun jista’ jnaddaf u jiġbor l-iskart fiċ-ċentru kummerċjali.
Il-Kunsill Lokali tal-Isla se jkun qed jirċievi flus minħabba l-ħtieġa ta’ manutenzjoni kontinwa sabiex jinżamm l-istandard tal-lokalita’ bħala waħda mill-aktar bliet mogħnija b’wirt storiku u kulturali fil-gżejjer Maltin. Il-Kunsill Lokali tal-Marsa se jirċievi l-flus biex ikun jista’ jnaddaf aħjar it-toroq taż-żoni ndustrijali, filwaqt li l-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala u San Pawl il-Baħar ikollhom iħabbtu wiċċhom ma’ żieda qawwija fil-popolazzjoni fix-xhur tas-sajf u għaldaqstant ikun proprju f’dawn ix-xhur li jkollhom iżidu s-servizzi ta’ tindif.
Il-lokalitajiet li din is-sena se jgawdu minn dan il-fond tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali l-Onor. Chris Said.
Hu qal li l-esperiment tas-sena l-oħra rnexxa u kien għalhekk li l-Gvern ħass il-bżonn li jerġa’ jniedi dan il-fond anki fl-2010.
Chris Said qal li l-formula tal-allokazzjoni li hemm fil-ligi qatt ma tista' tkopri l-karatteristici differenti tal-lokatalijiet tagħna. Għalhekk sar dan il-fond speċjali biex jgħin Kunsilli Lokali li jbatu minn xi żvantaġġ f' din il-formula. ‘Irridu nagħtu l-aħjar għodda lill-Kunsilli Lokali biex jaħdmu u jagħtu l-aqwa servizz fil-lokalitajiet tagħhom.
Filwaqt li s-sena li għaddiet kienu 20 il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn dan il-fond, din is-sena se jkunu 25 dawk li se jieħdu flus minnu. L-iskema ta’ fondi għal-lokalitajiet bi bżonnijiet speċjali tant kienet suċċess li din is-sena d-Dipartiment tal-Gvern Lokali rċieva 71 applikazzjoni.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said qal li f’dawn l-aħħar sentejn il-Gvern żied l-allokazzjoni finanzjarja diretta tal-Kunsilli Lokali minn 24 miljun ewro għal 31 miljun ewro. Minbarra dawn il-flus, il-Kunsilli Lokali jistgħu jagħmlu użu minn miljuni ta’ ewro oħra li qed jitpoġġew għad-dispozizzjoni tal-Kunsilli Lokali permezz ta’ skemi ta’ għajnuna differenti, permezz tal-Fondi għall-Iżvilupp Urban tal-MEPA, u permezz tal-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Il-lokalitajiet li din is-sena se jirċievu flus mill-Fond Speċjali għal-Lokalitajiet bi Bżonnijiet Speċjali huma l-Belt Valletta, l-Isla, Bormla, Ħal Qormi, Birkirkara, Birżebbugia, il-Floriana, il-Fontana, Ħal Kirkop, il-Marsa, Marsaskala, Marsaxlokk, il-Mellieħa, l-Imqabba, l-Imsida, il-Munxar, in-Nadur, Paola, il-Qala, ir-Rabat (Malta), San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, Tas-Sliema, ix-Xgħajra, u ż-Żebbuġ.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990