RIŻULTATI FL-EŻAMI TAL-JUNIOR LYCEUM MEJJU 2010
2008 tifel u tifla minn 2990 li għamlu l-eżami tal-Junior Lyceum għal din is-sena għaddew minn dan l-eżami. Dan ifisser li 67.2% ta’ dawk li għamlu l-eżami għaddew. Dan ifisser ukoll żieda ta’ 0.1% fuq is-sena 2009 u żieda ta’ 7% fuq is-sena 2006. L-istudenti kienu mgħarrfa bir-riżultati tagħhom illum stess permezz ta’ sms u jistgħu jmorru jarawhom fl-iskejjel rispettivi tagħhom filwaqt li għada mistennija jirċievu r-riżultat uffiċjali d-dar bil-posta.
B’kollox għal dan l-eżami qagħdu 1596 subien u 1394 bniet. Mis-subien għaddew 1007 (67.5%) filwaqt li mill-bniet għaddew 931 (66.8%). Kien hemm 60 tifel u 87 tifla li ġabu Grad A f’erba’ eżamijiet, jiġifieri l-Malti, l-Ingliż, il-Matematika u r-Reliġjon. Tajjeb li wieħed ifakkar li din is-sena t-tfal ma kellhomx joqogħdu għall-eżami tal-Istudji Soċjali u dan wara deċiżjoni li kien ħa l-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, bħala pass ieħor lejn ir-riforma.
Din kienet l-aħħar darba li nżamm l-eżami tal-Junior Lyceum li kellu bidu fis-sena 1982 u li kellu l-għan li jagħżel it-tfal f’Licej jew Skejjel Sekondarji. Mis-sena li ġejja dan l-eżami se jidħol minfloku eżami li għandu għan differenti, dak li jservi bħala benchmark biex jinforma l-awtoritajiet u l-Kulleġġi fejn ikunu waslu t-tfal fil-proċess tat-tagħlim tagħhom wara sitt snin fi skola Primarja.
Filwaqt li ħadd ma weħel biss mill-Malti jew ir-Reliġjon, kien hemm 371 student li weħlu minn eżami wieħed biss, 217 student li weħlu mill-Ingliż u 154 li weħlu mill-Matematika. Dawn it-tfal se jkollhom ukoll iċ-ċans li jagħmlu resit, kif kien ġara għall-ewwel darba is-sena l-oħra.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, Dolores Cristina, tifraħ lit-tfal kollha li kisbu suċċess f’dawn l-eżamijiet u tawgura lil dawk li se jagħmlu r-resit li jgħaddu mill-eżami li fadlilhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990