MUŻEW FIĊ-ĊENTRU STORIKU TAR-RABAT GĦAWDEX B’FONDI EWROPEJ
Il-Fondazzjoni Belt Victoria (FBV) qed twettaq proġett li jinvolvi l-ħolqien ta’ Mużew u Ċentru dwar il-kultura u l-istorja tar-Rabat Għawdex. Dan il-proġett bit-titlu ‘The Making of a People: A Cultural and Historical Eco-Museum’ jinvolvi investiment ta’ ftit aktar minn miljun ewro.
Dan qed ikun finanzjat permezz ta’ fondi Ewropej (ERDF), permezz ta’ Fond ta’ Ko-Finanzjament amministrat mis-Segretarjat Parlamentari għall-Konsumatur, Kompetizzjoni Ġusta, Kunsilli Lokali u Konsultazzjoni Pubblika, u mill-Fondazzjoni nnifisha.
Dettalji dwar il-proġett ingħataw waqt attivita’ li saret fil-Bażilika ta’ San Ġorg fir-Rabat u li matulha tnieda l-proġett. Il-permessi biex isir il-proġett issa ħarġu u x-xogħol mistenni jibda f’qasir żmien. Id-dettalji ngħataw miċ-Chairman tal-Fondazzjoni Belt Victoria u Project Leader Antoine Vassallo, mill-Ko-ordinatur tal-proġett Monsinjur Joseph Farrugia, mill-istudjuż tal-istorja Paul Pisani u mid-Direttur tal-FBV Joe Borg.
Attendew għall-preżentazzjoni il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika Chris Said, l-Assistent Parlamentari Frederick Azzopardi u n-Nunzju Appostoliku għal Malta Monsinjur Tommaso Caputo.
Il-proġett se jsir fuq perjodu ta’ tliet snin u nofs u mistenni jitlesta sa tmiem l-2012. L-idea hi li dan iċ-ċentru, fil-qalba tar-Rabat, joffri esperjenza unika lill-viżitaturi . L-għan hu li permezz tiegħu jintlaħqu udjenzi varji inkluż turisti, viżitaturi Maltin u l-komunita’ Għawdxija b’mod partikolari dik Rabtija.
Barra minn hekk il-komunita’ artistika Għawdxija se jkollha post ġdid fejn tesebixxi x-xogħlijiet tagħha. Dan għaliex iċ-ċentru se jkun fih ukoll spazju għal wirjiet temporanji u fih se jkunu jistgħu jiġu organizzati konferenzi u seminars.
Fil-Mużew se jkunu esebiti għadd kbir ta’ oġġetti ta’ importanza storika u artistik.a L-istorja tal-komunita’ Għawdxija u tal-identita’ tagħha se jkunu rakkontati b’mod innovattiv u għal dan il-għan se jintużaw ukoll għodda elettroniċi u awdjo-viżivi.
Il-faċilitajiet kollha se jkunu aċċessibbli għal kulħadd filwaqt li se jittieħdu miżuri ambjentali u li jaqblu mal-miri tal-kunċett Eko-Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said faħħar l-inizjattiva tal-Fondazzjoni Belt Victoria u ta’ NGOs oħra li qed jużaw il-fondi Ewropej u jfittxu wkoll l-għajnuna tas-Segretarjat biex iwettqu proġetti importanti fil-komunitajiet fejn huma stabbiliti.
Hu spjega li l-Fond ta’ Ko-Finanzjament għall-NGOs jservi bħala inċentiv u jintuża minn għaqdiet li jkunu diġa kisbu fondi Ewropej għall-proġetti tagħhom iżda li jistgħu isibuha diffiċli jwettquhom għaliex xorta jkunu jridu jiffinanzjaw persentaġġ tal-proġett. Din l-iskema, li din is-sena tammonta għal 280,000 ewro, tagħmel tajjeb għal dan u tassigura li l-ideat tajbin tal-NGOs ma jintremewx minħabba problemi fuq fondi.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said temm billi fakkar li l-MEUSAC jgħin lill-għaqdiet volontarji u jagħtihom gwida dwar xi proġetti jistgħu jagħmlu u x’fondi Ewropej jistgħu jakkwistaw. Dan is-servizz issa qed ikun offrut anki f’Għawdex hekk kif fil-ġimgħat li għaddew beda jaħdem l-Uffiċju Reġjonali tal-MEUSAC u l-MCESD fir-Rabat.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990