STQARRIJA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATUR, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA: IL-GVERN JIBQA' FAVUR LI L-FORUM IKUN RAPPREŻENTAT FL-MCESD: JERĠA' JISTIEDEN LILL-FORUM BIEX
Il-Gvern jibqa’ favur li l-ForUM ikun rappreżentat fl-MCESD: jerġa’ jistieden lill-ForUM biex ma jibqax jirrifjuta li jissieħeb fil-MEUSAC
B’rabta mat-talba tal-ForUM biex jissieħeb fl-MCESD, il-Gvern ifakkar li nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Ġunju 2010, ressaq suġġeriment biex din it-talba tkun diskussa fi grupp ta’ ħidma fi ħdan l-istess MCESD.
Dan ġara wara li f’laqgħa bejn is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Konsultazzjoni Pubblika Chris Said u l-President tal-ForUM John Bencini ġiet diskussa l-istess talba tal-ForUM. Waqt dik il-laqgħa Chris Said fisser il-pożizzjoni tal-Gvern favur it-talba tal-ForUM li jissieħeb fl-MCESD dment li jkun hemm qbil bejn ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali fl-istess kunsill. Fl-istess laqgħa mal-President tal-ForUM, is-Segretarju Parlamentari Chris Said issuġġerielu jiltaqa’ mar-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali l-oħra biex jikkonvinċihom fuq it-talba tiegħu.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Said għamilha ċara wkoll li l-Gvern kien lest iressaq suġġeriment biex din it-talba tal-ForUM tkun diskussa fl-MCESD, kif fil-fatt għamel. Madanakollu din il-proposta ma ntlaqgħetx mir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti u kien għalhekk li l-kumitat ta’ ħidma ma twaqqafx.
Il-Gvern jibqa’ jsostni li ma jistax jimponi bidla fil-kompożizzjoni tal-MCESD għaliex dan il-kunsill twaqqaf b’konsensus bejn l-imsieħba soċjali rappreżentati fih. Għaldaqstant kull bidla għandha tirrifletti dan il-konsensus u għandha ssir bi qbil bejn il-membri tal-MCESD.
F’dan il-kuntest il-Gvern itenni li l-ForUM għandu jaħdem biex jipperswadi lill-korpi kostitwiti u lill-unions ibiddlu l-pożizzjoni tagħhom u b’hekk jipprova jikseb post fl-MCESD.
Il-Gvern ifakkar ukoll li l-bilanċ delikat li jeżisti fl-MCESD bejn rappreżentanti ta’ min iħaddem u l-ħaddiema, huwa bilanċ li jeħtieġ li jinżamm. Fl-MCESD bħalissa hemm erba’ rappreżentanti tal-unions (2 tal-GWU, 1 tas-CMTU u 1 tal-UĦM), erba’ rappreżentanti ta’ min iħaddem (2 tal-Kamra tal-Kummerċ, 1 tal-MHRA u 1 tal-MEA) u rappreżentant wieħed tas-self employed (GRTU).
Fl-aħħarnett il-Gvern jerġa’ jistieden lill-ForUM biex jirrikonsidra l-istedina li għamillu biex jissieħeb fil-MEUSAC, stedina li ilha x-xhur li saret bil-miktub iżda li sa issa l-ForUM baqa’ ma aċċettax.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990