Left arrow Mur Lura

FTUĦ TA’ DAR L-IMPENN

PR1138
Date Icon 18/06/2010

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, Dolores Cristina l-lum inawgurat Dar l-Impenn, li se sservi bħala residenza għal persuni b’vizzju tad-droga u l-alkoħol li jkollhom bżonn jiddisintossikaw ruħhom qabel jibdew programm ta’ riabilitazzjoni.

F’diskors li għamlet il-Ministru Cristina qalet li lkoll aħna konxji tal-ħsara li jagħmlu d-droga u x-xorb żejjed kemm lis-soċjetà, kif ukoll lil dawk li jabbużaw minnhom u lill-familji tagħhom. Din hi problema soċjali kbira li laqtet lil kull soċjetà u lil pajjiżna mhux anqas minn pajjiżi oħra.

Sfortunatament matul is-snin, dawn il-vizzji ħasdu għexieren ta’ ħajjiet u għexieren oħra kellhom bżonn kura mid-droga jew l-alkoħol.

Dawn in-numri għandhom iġeddu l-impenn sħiħ tagħna favur il-prevenzjoni ta’ din il-problema.  Prevenzjoni li trid issir bl-edukazzjoni u tibda sa minn meta t-tfal ikunu għadhom f’età bikrija biex mill-bidu nett nuruhom il-kruha u l-ħsara tad-droga u x-xorb u nikkonvinċuhom li biex jgħixu ħajja ħienja u b’saħħtiha ma għandhomx għalfejn iħarsu lejn dawn is-sustanzi.

Għalhekk, il-Ministeru tal-Edukazzjoni fassal politika apposta dwar kif għandna nittrattaw l-abbuż mis-sustanzi, inkluż id-droga u x-xorb, fl-iskejjel tagħna.  Billi l-iskejjel jiffurmaw parti integrali mis-soċjetà, anke fihom jeżisti l-periklu tal-abbuż mis-sustanzi.

Il-Ministru qalet li jekk jirnexxielna nidentifikaw problema ta’ abbuż mid-droga jew l-alkoħol mill-bidu, dan ikun l-aħjar mod kif niġġieldu l-problema u l-anqas li jagħmel ħsara.

Sfortunatament, l-esperjenza uriet li minkejja l-isforzi kbar li jsiru għall-prevenzjoni tal-abbuż, xorta jibqa’ jkun hemm każi ta’ dawk li jabbużaw mid-droga u l-alkoħol.  U hawnhekk jidħol ix-xogħol tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u tal-Aġenzija Sedqa u ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Knisja li jaħdmu ħafna f’dan il-qasam, il-Caritas u l-Oasi.

Dawn l-Aġenziji joffru servizzi professjonali u skont l-esiġenzi tal-persuni li jkollhom problema ta’ abbuż ta’ sustanzi.  Il-klijenti ta’ dawn l-aġenziji huma nies li jkunu qed ibagħtu kemm fiżikament kif ukoll soċjalment.  Għalhekk kemm huma kif ukoll il-familji tagħhom għandhom bżonn servizzi ta’ kwalità biex jgħinhom fil-problemi tagħhom.

Il-Ministru Cristina qalet li l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali toffri s-servizz ta’ Dar l-Impenn li titmexxa mill-Aġenzija Sedqa u hi Ċentru ta’ Ditossifikazzjoni li fih jilqa’ klijenti li jintbagħtu f’dan iċ-ċentru minn tabib tad-Detox, biex jitnaddfu mid-droga u x-xorb u fl-istess waqt li jkunu f’Dar l-Impenn, ikollhom is-servizz ta’ xi ħadd minn Appoġġ, Caritas jew Oasi biex jgħinhom jiddeċiedu xi jridu jagħmlu wara li jitnaddfu. 

Billi dan hu ċentru li hu l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, jilqa’ fih nies li ġejjin mill-Aġenzija Appoġġ, mill-Caritas kif ukoll mill-Oasi. It-tama hi li wara l-qagħda tagħhom f’Dar l-Impenn, il-klijenti jidħlu f’waħda mid-djar ta’ Appoġġ – Santa Marija, Caritas f’San Blas jew Oasi f’Għawdex, biex jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni.

Dan is-servizz hu xhieda oħra tal-impenn tal-Gvern lejn dawk fil-bżonn ta’ din l-għajnuna speċjalizata f’ambjent li jixraq lid-dinjità tal-klijenti u b’servizzi tal-ogħla livell.

Filwaqt li l-Gvern u l-Aġenziji li jaħdmu f’dan il-qasam jibqgħu impenjati fil-ħidma ta’ prevenzjoni li hi l-aħjar rimedju, min-naħa l-oħra jridu jkattru s-servizzi għal dawk li jaqgħu fix-xibka u jgħinuhom joħroġu minnha u jibnu futur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow