FTUĦ TA’ DAR L-IMPENN
Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, Dolores Cristina l-lum inawgurat Dar l-Impenn, li se sservi bħala residenza għal persuni b’vizzju tad-droga u l-alkoħol li jkollhom bżonn jiddisintossikaw ruħhom qabel jibdew programm ta’ riabilitazzjoni.
F’diskors li għamlet il-Ministru Cristina qalet li lkoll aħna konxji tal-ħsara li jagħmlu d-droga u x-xorb żejjed kemm lis-soċjetà, kif ukoll lil dawk li jabbużaw minnhom u lill-familji tagħhom. Din hi problema soċjali kbira li laqtet lil kull soċjetà u lil pajjiżna mhux anqas minn pajjiżi oħra.
Sfortunatament matul is-snin, dawn il-vizzji ħasdu għexieren ta’ ħajjiet u għexieren oħra kellhom bżonn kura mid-droga jew l-alkoħol.
Dawn in-numri għandhom iġeddu l-impenn sħiħ tagħna favur il-prevenzjoni ta’ din il-problema. Prevenzjoni li trid issir bl-edukazzjoni u tibda sa minn meta t-tfal ikunu għadhom f’età bikrija biex mill-bidu nett nuruhom il-kruha u l-ħsara tad-droga u x-xorb u nikkonvinċuhom li biex jgħixu ħajja ħienja u b’saħħtiha ma għandhomx għalfejn iħarsu lejn dawn is-sustanzi.
Għalhekk, il-Ministeru tal-Edukazzjoni fassal politika apposta dwar kif għandna nittrattaw l-abbuż mis-sustanzi, inkluż id-droga u x-xorb, fl-iskejjel tagħna. Billi l-iskejjel jiffurmaw parti integrali mis-soċjetà, anke fihom jeżisti l-periklu tal-abbuż mis-sustanzi.
Il-Ministru qalet li jekk jirnexxielna nidentifikaw problema ta’ abbuż mid-droga jew l-alkoħol mill-bidu, dan ikun l-aħjar mod kif niġġieldu l-problema u l-anqas li jagħmel ħsara.
Sfortunatament, l-esperjenza uriet li minkejja l-isforzi kbar li jsiru għall-prevenzjoni tal-abbuż, xorta jibqa’ jkun hemm każi ta’ dawk li jabbużaw mid-droga u l-alkoħol. U hawnhekk jidħol ix-xogħol tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali u tal-Aġenzija Sedqa u ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Knisja li jaħdmu ħafna f’dan il-qasam, il-Caritas u l-Oasi.
Dawn l-Aġenziji joffru servizzi professjonali u skont l-esiġenzi tal-persuni li jkollhom problema ta’ abbuż ta’ sustanzi. Il-klijenti ta’ dawn l-aġenziji huma nies li jkunu qed ibagħtu kemm fiżikament kif ukoll soċjalment. Għalhekk kemm huma kif ukoll il-familji tagħhom għandhom bżonn servizzi ta’ kwalità biex jgħinhom fil-problemi tagħhom.
Il-Ministru Cristina qalet li l-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali toffri s-servizz ta’ Dar l-Impenn li titmexxa mill-Aġenzija Sedqa u hi Ċentru ta’ Ditossifikazzjoni li fih jilqa’ klijenti li jintbagħtu f’dan iċ-ċentru minn tabib tad-Detox, biex jitnaddfu mid-droga u x-xorb u fl-istess waqt li jkunu f’Dar l-Impenn, ikollhom is-servizz ta’ xi ħadd minn Appoġġ, Caritas jew Oasi biex jgħinhom jiddeċiedu xi jridu jagħmlu wara li jitnaddfu.
Billi dan hu ċentru li hu l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, jilqa’ fih nies li ġejjin mill-Aġenzija Appoġġ, mill-Caritas kif ukoll mill-Oasi. It-tama hi li wara l-qagħda tagħhom f’Dar l-Impenn, il-klijenti jidħlu f’waħda mid-djar ta’ Appoġġ – Santa Marija, Caritas f’San Blas jew Oasi f’Għawdex, biex jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni.
Dan is-servizz hu xhieda oħra tal-impenn tal-Gvern lejn dawk fil-bżonn ta’ din l-għajnuna speċjalizata f’ambjent li jixraq lid-dinjità tal-klijenti u b’servizzi tal-ogħla livell.
Filwaqt li l-Gvern u l-Aġenziji li jaħdmu f’dan il-qasam jibqgħu impenjati fil-ħidma ta’ prevenzjoni li hi l-aħjar rimedju, min-naħa l-oħra jridu jkattru s-servizzi għal dawk li jaqgħu fix-xibka u jgħinuhom joħroġu minnha u jibnu futur.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990