ĦIDMA BI SĦAB BIEX INŻOMMU L-IBĦRA NDAF
Siltiet minn diskors li l-Onor. Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura, għamel meta nieda l-istatus Blue Flag fil-‘perched beach’ ta’ Buġibba
Is-sbuħija u l-indafa tal-ibħra madwarna dejjem kienu mira ewlenija tal-awtoritajiet sew biex il-poplu Malti jkun jista’ jgħum f’ambjent marittimu f’saħħtu u anki biex it-turisti li jżuruna għall-baħar u x-xemx, jew biex isegwu xi wieħed mill-passatempi tagħhom bħad-diving u yachting jieħu lura magħhom esperjenza sabiħa.
Matul is-snin twettqu proġetti kbar u żgħar bl-iskop li s-sistema tad-drenaġġ ta’ pajjiżna tkun tali li ebda drenaġġ ma jiżbroffa fil-bajjiet tagħna u jniġġishom. F’dawn l-aħħar snin bdew jinbnew ukoll impjanti biex id-drenaġġ jissaffa qabel ma dan jintefa’ l-baħar. Il-ġimgħa l-oħra, il-Bord tal-MEPA approva t-tqegħid ta’ ‘submarine outfall’ għal ilma tad-drenaġġ urban li jiġi ttrattat qabel jintefa’ l-baħar. Dan l-‘outfall’, kilometru twil, ser jibda minn taħt l-Impjant tan-Nofsinhar għat-Trattament tad-Drenaġġ. Permezz ta’ impjanti bħal dan Malta rnexxielha tilħaq riżultati eċċellenti f’dik li hi kwalità tal-ilma baħar.
Qabża oħra fil-kwalità hi l-programm ‘Blue Flag’ marbut ma’ ibħra ndaf u s-settur turistiku. S’issa kellna bajja waħda li kellha l-istatus ta’ ‘Blue Flag’, dik ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan. Illum dan l-istatus ser jingħata wkoll lill-perched beach f’Buġibba. Dan l-istatus jingħata mill-Foundation for Environmental Education (FEE) ladarba jintlaħqu 29 kriterja f’isforz biex il-bajjiet jiġu mmaneġġjati tajjeb u ssirilhom il-manutenzjoni meħtieġa. Il-‘Blue Flag’ ma jingħatax għal dejjem iżda jiġġedded kull sena wara li jintlaħqu l-kriterji neċessarji. Fl-istess waqt li għandna żewġ bajjiet ‘Blue Flag’ qed issir ħidma biex iktar bajjiet ikollhom dan l-istatus. Bħalissa għandna l-bajja tal-Għadira, Golden Bay u r-Ramla l-Ħamra li huma ċċertifikati bħala ‘beach of quality’. Qed issir ħidma biex ’il quddiem jieħdu l-istatus ta’ ‘Blue Flag’.
Il-proċess mhux wieħed faċli, iżda jinvolvi ħafna ħidma. Hu mibni fuq skema volontarja ta’ ċertifikazzjoni għax-xtajtiet u l-marinas. Din l-iskema taħdem biex iġġib flimkien is-setturi tat-turiżmu u l-ambjent.
Bajjiet bl-istatus ta’ ‘Blue Flag’ huma ppjanati u mmaniġġjati fl-ogħla livelli u anki biex ir-rekreazzjoni fihom tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent kostali u tkompli twassal għal turiżmu sostenibbli li jinkoraġġixxi l-iżvilupp filwaqt li jnaqqas l-impatti ambjentali.
Irrid ngħid ukoll li bajjiet li jkollhom status ta’ ‘Blue Flag’ huma mfittxija iżjed, sew mill-Maltin kif ukoll mit-turisti, u huma reklam u promozzjoni għall-prodott turistiku Malti.
Kif kelli l-okkażjoni ngħid meta rċivejt il-‘Beach of Quality Award’ għall-bajja tal-Għadira x-xahar li għadda, din is-sena wkoll l-Awtorità tat-Turiżmu żiedet l-impenn tagħha biex isiru aktar attivitajiet edukattivi dwar il-‘Blue Flag’ biex iktar nies ikunu konxji tal-ambjent marittimu. Din is-sena l-MTA ser tkun qed torganizza aktar minn 14-il attività differenti li jinqasmu f’madwar 38 attività iżgħar fil-bajjiet tagħna. Dawn l-attivitajiet jinkludu:
o Kampanja favur separazzjoni tal-iskart fil-bajjiet;
o Kampanja kontra l-ħmieġ li jitħalla minn fdalijiet ta’ sigaretti;
o Wirjiet ta’ informazzjoni dwar il-bajjiet;
o Parteċipazzjoni fi SkolaSajf;
o Attivitajiet għat-tfal fil-bajjiet;
o Attivatijiet informattivi dwar il-ħajja taħt il-baħar;
o Kampanja kontra l-ħsara kkaġunata minn espożizzjoni żejda għax-xemx;
o Mixjiet madwar il-kosta;
o Kompetizzjoni fotografika.
Il-MTA timpenja kull sena ammonti kbar ta’ flus biex timmaniġġja u żżomm fi stat tajjeb diversi bajjiet. Din is-sena, b’nefqa ta’ nofs miljun ewro, minbarra l-ħidma fil-bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan; il-‘perched beach’ ta’ Buġibba; qed issir ħidma wkoll fil-bajjet tal-Għadira u Golden Bay fil-Mellieħa; il-Ponta tal-Qawra f’San Pawl il-Baħar u Fond Għadir f’Tas-Sliema.
L-MTA tagħti servizz ta’ mmaniġġjar, tindif kontinwu, servizz ta’ lifeguards f’ċerti bajjiet u first aid f’oħrajn, organizzazzjoni ta’ attivitajiet u disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ambjent tal-bajjiet u l-baħar.
Pajjiżna nistgħu niftaħru li għandna fost l-iktar baħar nadif fl-Ewropa. Illum għandna wkoll 39 żona li huma għall-għawwiema biss wara li żdiedu Ta’ Xbiex u Marsamxett mas-37 żona li kellna s-sena l-oħra. Qed naħdmu biex ikollna iktar bajjiet ta’ kwalità. Dan kollu jirrikjedi ħidma mill-qrib bejn l-MTA u Nature Trust li permezz tal-ħidma tagħhom qed jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u qed iressqu lejn xulxin l-oqsma tat-turiżmu u l-ambjent.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990