Left arrow Go Back

XEJRIET LI QED JINBIDLU GĦAL-LUKANDI TA' TLIET STILEL: SILTIET MINN DISKORS LI L-ONOR. MARIO DE MARCO, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦAT-TURIŻMU, L-AMBJENT U L-KULTURA, GĦAMEL META INDIRIZZA SEMINAR GĦAL-LUKANDIERI.

PR1136
Date Icon 18/06/2010

Siltiet minn diskors li l-Onor Mario de Marco, Segretarju Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura għamel meta indirizza seminar għal-lukandieri

Sinjuri,

Nilqagħkom għal dan is-seminar organizzat flimkien mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u l-Malta Hotels and Restaurants Association biex nindirizzaw ix-xejriet li qed jinbidlu fit-turiżmu b’referenza speċjali għal-lukandi ta’ tliet stilel.

L-ivjaġġar għall-mogħdija taż-żmien (leisure travel) fid-dinja żviluppata qed jissokta fix-xejra pożittiva tiegħu, hekk kif iktar u iktar nies qed jinkludu vjaġġ lejn pajjiż ieħor jew lejn destinazzjoni oħra bħala parti mid-disinn tagħhom ta’ vaganza.

Bil-liberalizazzjoni jew is-simplifikazzjoni tal-formalitajiet tal-immigrazzjoni, id-dħul fix-xena ta’ diversi tipi ta’ linji tal-ajru, inklużi l-‘low cost’, u l-ammont infinit ta’ informazzjoni fuq il-web, in-nies qegħdin jiġu mħajra kontinwament biex jivvjaġġaw, mhux darba fis-sena iżda bl-iktar mod spiss possibbli matul perijodi differenti tas-sena.

Dan qed jirriżulta fil-fenomina taż-żieda fi vjaġġi qsar iżda iktar frekwenti lejn varjetà ta’ destinazzjonijiet: vjaġġi li huma ġeneralment orjentati lejn il-mogħdija taż-żmien iżda li jinvolvi wkoll l-esperjenzar ta’ diversi oqsma oħrajn sew jekk huma kulturali, gastronomiċi, jew orjentati lejn il-‘wellness’.

Fl-isfond ta’ numru ta’ kumbinazzjonijiet kumplessi ta’ tipi ta’ vjaġġi għal vaganzi li jagħmlu l-individwi, wieħed isib numru ta’ fatturi komuni li flimkien iwasslu għall-preżenza komuni tat-turisti kollha. Tnejn minn dawn huma l-akkomodazzjoni u l-catering.

Persuni differenti huma interessati f’attrazzjonijiet differenti, għandhom interessi varji, jonfqu sensiela wiesgħa ta’ budgets, jivvjaġġaw lejn kull rokna tal-globu f’kull tip ta’ temp u jkopru distanzi li jvarjaw minn ftit kilometri għall-ponot estremi tal-pjaneta. Żewġ attivitajiet komuni li dawn jixtiequ jesperjenzaw meta jivvjaġġaw, huma l-ħtieġa ta’ akkomodazzjoni u l-ħtieġa tal-ikel.

L-akkomodazzjoni u l-istabbilimenti tal-catering huma ta’ kull daqs u kwalità. Qegħdin hemm biex jagħtu jew l-iżjed servizzi bażiċi jew l-iktar esperjenzi sofistikati. L-iżjed bażiku, stabbilimenti tal-akkomodazzjoni jipprovdu biss post fejn torqod. Bl-istess mod, stabbiliment tal-catering jipprovdi l-ikel x’tiekol. Għall-parti l-kbira tal-vjaġġaturi, il-ħtieġa ta’ akkomodazzjoni u catering meta jivvjaġġaw tmur lilhinn  minn  dak li hu bażiku: dak li jkunu qed ifittxu f’dawn iż-żewġ komponenti importanti tal-vjaġġ tagħhom jikkostitwixxi wkoll esperjenza tal-post li jkunu qed iżuru.

Hekk l-akkomodazzjoni hi mistennija li tkun il-mera tat-tradizzjonijiet tal-ospitalità tal-pajjiż li jkun qed jilqa’ filwaqt li l-ikel li jiġi kkunsmat meta tkun għal vaganza hu wkoll mistenni li jippreżenta t-tradizzjonijiet kulinari u l-prodott tal-pajjiż.

Konsiderazzjoni importanti li hi importanti għalina wkoll li qegħdin hawnhekk illum hi li dawn il-ħtiġiet m’għandomx ikunu biss ir-renju jew it-territorju tal-istabbilimenti tal-ogħla kategoriji. Għandhom ikunu mifruxa tul l-ispektrum kollu tal-akkomodazzjoni u l-catering ta’ destinazzjoni biex jiġi żgurat li t-tipi differenti ta’ turisti li huma attirati lejn dik id-destinazzjoni jkollhom l-opportunità li jieħdu din l-esperjenza.

Fl-aħħar 20 sena s-settur  privat investa ħafna flus biex kabbarna l-prodott tagħna ta’ ħames stilel, iżda aħna nirrikonoxxu wkoll il-fatt li mhux it-turisti kollha li jżuruna huma turisti ta’ ħames stilel, jew li jridu joqogħdu f’akkomodazzjoni ta’ ħames stilel.

Kif inhu l-każ tas-sitwazzjoni fl-Ewropa, l-maġġoranza kbira tal-vjaġġaturi bona fide li jieħdu vaganza, ifittxu stabbilimenti li mhumiex fl-ogħla kategoriji. Ċifri tal-2009 għall-Ewropa kollha li ġew ippubblikati mill-‘European Travel Monitor’, jindikaw bl-iktar mod ċar li filwaqt li 8 fil-mija ta’ turisti li jivvjaġġaw barra pajjiżhom imorru f’lukandi ta’ ħames stilel għall-akkomodazzjoni tagħhom, numru ħafna iktar għoli ta’ 23% tal-Ewropej qagħdu f’lukandi ta’ tliet stilel u f’budget hotels matul il-vaganza tagħhom.

Ħalli nqabblu dawn iċ-ċifri ma’ dawk ta’ Malta. Fl-2009, is-sehem tat-turisti li qagħdu f’akkomodazzjoni kollettiva u użaw lukandi ta’ ħames stilel kien ta’ 29.2 fil-mija. Nonostante, sehem dawk it-turisti li qagħdu f’lukandi ta’ tliet stilel kien ta’ biss 15.8 fil-mija tat-total. Hekk filwaqt li fl-Ewropa hemm tliet turisti li joqogħdu f’lukandi ta’ 3 stilel għal kull turist li joqgħod f’lukandi ta’  5 stilel, il-proporzjon  f’pajjiżna jinqaleb għal 2:1  favur il-lukandi ta’ ħames stilel.

Dan ma jfissirx li aħna għandna eċċess ta’ turisti ta’ ħames stilel. Ifisser iżda li għandna potenzjal qawwi għall-espansjoni ta’ din il-kategorija fis-settur tagħna tal-akkomodazzjoni. Id-domanda hemm barra hi kbira ħafna, għandna wkoll il-kapaċità fiżika iżda hi sotto-utilizzata ħafna.

Bejn l-2005 u l-2009, rajna s-sehem ta’ turisti li jutilizzaw il-lukandi ta’ tliet stilel jonqos minn 25% ħames snin ilu, għal 15.8% is-sena l-oħra. Rajna wkoll l-okkupazzjoni medja għal dan is-settur jinżel minn 53% fl-2005 għal 34.9%. Din hi xejra preokkupanti li aħna ħerqana ħafna li nindirizzaw u għalhekk ħadna d-deċiżjoni li nagħmlu dan is-seminar.

Dan is-seminar għandu l-iskop li jagħmilkom konxji mill-opportunitajiet li joħorġu minn dak li qed nagħmlu biex Malta tkun iktar aċċessibbli, iktar konoxxuta u iktar f’moħħ it-turist meta jiġi biex jagħżel fejn imur.

Ser tingħataw l-aħħar informazzjoni tar-rotot ġodda li b’tant uġiegħ ir-ras ftaħna fi żmien meta linji tal-ajru f’pajjiżi oħra kienu ġeneralment qed inaqqsu. Dawn ir-rotot diġà qed iġorru eluf ta’ turisti ġodda lejn pajjiżna: minn swieq fejn id-domanda għal akkomodazzjoni ta’ tliet stilel hi għolja. Ser nagħtukom ukoll deskrizzjoni qasira u mingħajr dettalji tal-marketing li nagħmlu tul it-tnax il-xahar tas-sena.

Minbarra dan kollu,  ser nagħtukom ukoll xi intuwitazzjonijiet (insights)  ta’ dak li jeħtieġ tagħmlu biex timmiljoraw. Ser nagħtukom ukoll l-evalwazzjoni tat-turist tal-offerta li qed tagħmlu intom, flimkien ma’ xi xejriet iktar importanti fl-ivvjaġġar internazzjonali li għandkom iżżommu f’moħħkom meta qed toperaw illum u meta tippjanaw għal għada.

Ser nagħtukom informazzjoni tal-possibiltajiet li hemm għal fondi biex jgħinukom ħalli tiżviluppaw il-prodott tagħkom: possibiltajiet li qed jintużaw b’mod effettiv ħafna minn kategoriji oħra fis-settur turistiku iżda probabbilment mhux b’mod daqshekk effettiv daqskemm wieħed jixtieq minnkom.

Fl-aħħarnett nagħtikom parir li tkunu iktar proattivi.  Iż-żmien meta xogħol garantit kien jiġi qisu bi dritt ilu li spiċċa. Fid-dinja tal-lum irridu nkunu aggressivi biex niġbdu x-xogħol lejna. Irridu nagħtu valur għall-flus li jintefqu jekk irridu inżommu x-xogħol għalina u nevitaw reputazzjoni ħażina. Irridu noqogħdu attenti għall-kompetizzjoni, irridu nifhmu lill-klijent tagħna u nifhmu wkoll li rridu nkunu preparati għal ħtiġiet ta’ għada li qed jinbidlu.

Min-naħa tagħna qed nipprovdukom bl-għodda biex taħdmu. Ġenwinament nixtiequ narawkom tużaw dawn l-għodda u opportunitajiet bl-iskop li treġġgħu lura n-negozju tagħkom għal mezzi profitabbli u għall-benefiċċju ta’ Malta.

Nirringrazzjakom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow