AKTAR BOROŻ TA’ STUDJU GĦAL MIN IRID IKOMPLI JISTUDJA
Din is-sena se jkunu ngħataw aktar minn 400 Scholarship
Matul din is-sena biss se jkunu ngħataw aktar minn 400 Borża ta’ Studju fi tliet skemi amministrati mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja tal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja. 260 se jingħataw taħt l-iskema STEPS, 155 taħt l-iskema MGSS (post graduate u undergraduate) u 15 oħra taħt l-iskema tal-Arti.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qed iniedi s-sejħa għall-2010 tal-Malta Government Scholarship Scheme (MGSS) – Post Graduate. Din l-iskema kienet ġiet imnedija għall-ewwel darba fl-2006, u s’issa diġa offriet 71 Borża ta’ Studju li jwasslu għal Dottorat u 93 Borża ta’ Studju li jwasslu għal Masters. Dawn il-Boroż ta’ Studju qed ikomplu jsaħħu l-bażi tal-ekonomija tagħna msejsa fuq l-għerf li hu ċ-ċavetta tal-kompettivitá tagħna bħala nazzjon f’suq globalizzat.
Konxju mill-ħtiġijiet dejjem jinbidlu taż-żgħażagħ u l-adulti li jiddeċiedu li jkomplu jistudjaw u b’turija ta’ impenn biex titrawwem dejjem aktar kultura ta’ tagħlim tul il-ħajja, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja permezz tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja qed jintroduċi numru ta’ bidliet importanti f’din l-iskema.
Għall-ewwel darba din l-iskema ser tkun miftuħa anke għal dawk kollha li fl-ewwel grad Universitarju (Honours) akkwistaw Second Class Lower (jew Class IIB). B’hekk, grupp ferm akbar ta’ żgħażagħ u adulti se jkunu jistgħu jibbenifikaw minn Borża ta’ Studju, jekk jimmeritahom.
Bidla radikali oħra se tkun fil-valur finanzjarju tal-Boroż ta’ Studju. S’issa l-kunċett dejjem kien li parti mill-valur issir fi ħlasijiet diretti lill-universitá fejn isir l-istudju u parti oħra f’għotja lill-istudent. Din is-sistema kienet qed tiżvantaġġja lil min, minħabba x-xogħol u l-familja, seta’ jkompli jistudja biss fuq bażi part-time jew bid-distance learning u jrid xorta waħda jsiefer biex jattendi xi lectures jew xi konferenzi barra minn Malta bħala parti mill-istudju tiegħu. Minn din is-sena, il-valur finanzjarju tal-Borża ta’ Studju se jkun fiss u l-istudent jista’ jagħmel użu mill-għotja kollha kemm hi biex ikompli bl-istudji tiegħu.
It-tielet bidla li qed tiddaħħal għall-ewwel darba, hi l-kunċett ta’ riċerka f’istituzzjoni ta’ fama mondjali, liema riċerka tkun parti mix-xogħol li jrid isir biex l-istudent jieħu d-Dottorat. Sal-lum, ebda skema ta’ Boroż ta’ Studju ma kienet tiffinanzja riċerka avvanzata bħal din. Illum pajjiżna jinħtieġ li jagħti nċentiv lil dawk l-istudenti li jridu jmorru jagħmlu parti mir-riċerka f’istituzzjonijiet ta’ fama internazzjonali biex nilħqu l-livelli ta’ eċċellenza li qed nimmiraw għalihom.
Ir-raba’ kunċett li qed jiġi kkonsolidat u kkwantifikat hi l-għajnuna għal min għandu bżonnijiet speċjali u jagħżel li jistudja barra minn Malta.
Dawn il-bidliet fl-MGSS – Post Graduate qed jiddaħħlu biex ikun hemm aktar flessibilitá, kif ukoll l-iskema tirrispondi aħjar għat-talbiet u l-ħtiġijiet moderni biex jintlaħqu l-miri tal-viżjoni tal-Gvern għall-2015 kif ukoll tal-istrateġija Ewropea EU2020 għall-iżvilupp, sostenibilitá u inklussivitá.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qed jistieden lil kull min hu nteressat biex iżur is-sit elettroniku http://www.education.gov.mt/mgss_pg.htm għal aktar informazzjoni. Id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet hi l-Ġimgħa, 9 ta’ Lulju, 2010, f’nofsinnhar (CET). Il-fond allokat din is-sena hu ta’ €466,000.
F’każ ta’ diffikulta, persuna tista’ ċċempel fuq in-numru 2598 2230 jew tibgħat e-mail fuq dan l-indirizz elettroniku pgscholarships.meef@gov.mt.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990