STQARRIJA TAS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-KONSUMATUR, KOMPETIZZJONI ĠUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA
Il-Forum Unions Maltin (ForUM) irrifjuta post fil-MEUSAC
Il-Gvern jibqa’ miftuħ li jagħti l-ispazju kollu li jista’ lill-Forum Unions Maltin (ForUM), tant li xhur ilu għamel offerta biex b’mod immedjat din l-għaqda ta’ unions tidħol fil-MEUSAC. Madankollu l-ForUM qed tippersisti u sal-lum baqgħet ma aċċettatx din l-istedina.
Fil-każ tal-MCESD il-Gvern itenni l-pożizzjoni ċara tiegħu li lest jilqa’ il-ForUM fl-MCESD iżda bil-kunsens tal-imsieħba soċjali.
Is-sħubija tal-Forum fil-MEUSAC tista’ isseħħ immedjatament, għaliex il-kompożizzjoni tal-Core Group saret b’deċiżjoni unilaterali tal-Gvern, meta dan ġie rikostitwit ftit aktar minn sena u nofs ilu. Għalhekk m’hemm xejn xi jżomm lill-Gvern milli jibdel jew iżid il-membri fuq il-Core Group tal-MEUSAC, fejn jiġu diskussi l-issues kollha relatati mal-Unjoni Ewropeja inkluż direttivi u regolamenti li jkunu ser jiġu addottati mill-istess UE, liema liġijiet meta jigu approvati japplikaw ukoll għal pajjiżna.
Minn naha l-oħra fil-każ tal-kompożizzjoni tal-MCESD, dan sar bi qbil mal-imsieħba soċjali u l-Gvern irid iżomm il-ftehim li kellu mal-istess imsieħba socjali li tibdil fil-liġi li waqqfet l-MCESD għandu jsir bi ftehim mal-istess imsieħba soċjali.
Hu għalhekk li l-ForUM jista’ jidħol b’mod immedjat fil-MEUSAC, iżda jinħtieġ l-appoġġ tal-imsieħba soċjali biex il-ForUM ikun jista’ jidħol fl-MCESD.
Il-Gvern itenni li jrid u li hu dispost li jsib soluzzjoni u kien f’dan l-ispirtu li offra li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma fl-MCESD biex jiddiskuti u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet meħtieġa dwar it-talba tal-ForUM u ta’ organizzazzjonijiet oħra li wkoll iridu siġġu fl-MCESD.
Il-ForUM jippretendi li l-Gvern jimxi b’arroganza u jmur kontra l-qbil li kien hemm u dak li esprimew b’mod kważi unanimu l-korpi kostitwiti u l-unions. Ladarba hemm dan il-ftehim, il-Gvern ma jistax jaċċetta li jimponi kif irid il-ForUM.
Il-Gvern jerġa’ jistieden lill-uffiċjali tal-ForUM biex jaħdem u jikkonvinċi lir-rappreżentanti tal-korpi kostitwiti fl-MCESD sabiex huma wkoll jagħtuh l-appoġġ tagħhom u jaċċettaw lill-ForUM fl-MCESD. Is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika diġa għamel dan is-suġġeriment b’mod informali meta fil-ġimgħat li għaddew iltaqa’ mal-President tal-ForUM.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990