DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA, MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA, FL-OKKAŻJONI TAL-KONFERENZA NAZZJONALI “SENTEJN MILL-KULLEĠĠI SKOLASTIĊI” - VALLETTA – 12.06.2010
Il-Konferenza tal-lum hi eżerċizzju li permezz tiegħu l-imsieħba kollha fil-qasam edukattiv ġejna flimkien biex neżaminaw u nirriflettu dwar l-esperjenzi li kellna s’issa mir-riforma tal-Kulleġġi f’Malta. Irrid infakkar li din ir-riforma bdiet titwettaq 28 xahar ilu biss, wara dibattitu nazzjonali.
Matul dawn ix-xhur inħatru żewġ Diretturi Ġenerali, 10 Prinċipali tal-Kulleġġi u 6 Diretturi oħra. Dawn l-uffiċjali fi ħdan iż-żewġ Direttorati permezz tal-Kulleġġi tal-Istat kienu impenjati f’ħidma favur edukazzjoni ta’ kwalita’ għal uliedna f’sistema edukattiv ġdid. Issa l-Ministeru ħass li wara dan il-perjodu, għalkemm ilkoll naqblu li dan għadu perjodu relattivament qasir, kellna norganizzaw din l-ewwel Konferenza Nazzjonli dwar il-Kulleġġi.
Fi 28 xahar irnexxielna nimxu minn kultura ċentralizzata u dipendenti għal waħda deċentralizzata u inter-dipendendi. Għalija bħala Ministru tal-Edukazzjoni, dawn il-ftit xhur kienu esperjenza sabiħa ħafna għax rajt impenn u dedikazzjoni mill-imsieħba involuti. Rajna wkoll fost l-oħrajn it-twaqqif tal-Educational Leaders Council u l-Kunsilli tal-Kapijiet tal-Kulleġġi.
Irreklutajna numru kbir ta’ professjonisti ġodda fuq bażi ta’ Kulleġġi li fil-biċċa l-kbira tagħhom kienu pożizzjonijiet li ma kellniex qabel u kienu ilhom mitluba u mixtieqa s-snin. Sar investiment ieħor fir-riżorsi għall-iskejjel u f’taħriġ għall-għalliema b’rabta mar-riformi u t-twettieq tagħhom. Se nkomplu fuq din it-triq.
Naħseb taqblu miegħi li minkejja l-ħafna sfidi li għandna quddiemna, f’dawn il-ftit xhur mir-riforma tal-Kulleġġi qed ngħixu żmien ta’ tiġdid, ta’ opportunitajiet, ta’ awtonomija, ta’ inizjattivi ta’ aktar taħriġ u żvilupp. Matul dawn it-28 xahar, rajna jitwaqqfu 10 Kulleġġi tal-Istat u issa qed narawhom jiksbu l-identitajiet tagħhom.
B’turija ta’ rikonoxximent għall-impenn minn kulħadd biex is-sistemi tal-Kulleġġi tirnexxi, il-Ministeru ddeċieda li barra mill-flus li jingħataw lil kull skola, kull sena, se jagħti €3,000 lil kull Kulleġġ biex jintużaw f’xi proġett li jniedi l-Kulleġġ.
Biex din l-ewwel Konferenza dwar il-Kulleġġi f’Malta tagħti stampa ċara dwar dan id-dinamiżmu fl-iskejjel u l-Kulleġġi tal-Istat, fassalniha fuq erba’ aspetti ewlenin li nħossu li huma importanti ħafna.
L-ewwel aspett hija r-riċerka lokali f’dan is-settur u għalhekk ser ikollna erba’ papers ta’ analiżi u riċerka biex b’mod tekniku nifhmu aħjar minn fejn tlaqna u fejn qegħdin. Fl-ewwel preżentazzjoni nisimgħu r-riżultat ta’ riċerka dwar l-ewwel passi fuq in-networking fl-iskejjel tal-Istat; it-tieni preżentazzjoni hija bbażata fuq riċerka li saret f’livell ta’ Masters Degree fl-Universita’ ta’ Malta dwar il-bidla fil-ħidma tal-Kap tal-Iskola; il-preżentazzjoni ta’ wara hija babżata fuq partijiet mir-riċerka li saret għal Dottorat fl-Istitut tal-Edukazzjoni tal-Universita’ ta’ Londra u ser tiffoka fuq in-networking bejn l-iskejjel u lil hinn minnhom; l-aħħar preżentazzjoni se tagħti r-riżultati dwar x’jaħsbu l-iskejjel dwar is-sistema tal-Kulleġġi.
Din il-Konferenza Nazzjonali qed tagħti importanza ewlenija wkoll lill-aspett prattiku u reali tar-riforma u għalhekk ser tesponi ftit mill-ħafna prattiċi tajbin li l-komunita’ edukattiva qed tgħix fl-iskejjel tal-Kulleġġi tal-Istat.
Din hi opportunita’ oħra biex inkomplu naqsmu flimkien esperjenzi pożittivi u nkomplu nitgħallmu minn xulxin.
Matul dawn it-28 xahar, jiena kelli aktar minn opportunita’ li nkun preżenti fl-iskejjel u fil-Kulleġġi u nnotajt kemm inizjattivi u xogħol qed isir fihom minn kulħadd. Bħala Ministru tal-Edukazzjoni, nista’ nserrħilkom raskom li se tieħdu sehem f’workshops interessanti ħafna u li fihom tistgħu tisimgħu tfal, għalliema, u amministraturi jaqsmu esperjenzi magħna. Nitlob biex inżommu f’moħħna li l-workshops se jesponu ftit mill-ħafna prattiċi tajbin li għandna fil-klassijiet, fl-iskejjel u fil-Kulleġġi tal-Istat.
It-tielet aspett li fuqu hi mibnija din il-Konferenza Nazzjonali hu l-espressjoni pubblika dwar is-sistema tal-Kulleġġi. Għalhekk, se jkollna panel ta’ nies b’fehmiet diversi u ġejjin minn oqsma diversi li jkun jista’ jieħu u jwieġeb il-mistoqsijiet tagħkom. L-intenzjoni tal-Ministeru hija ċara ħafna u hija dik li nibnu fuq is-suċċessi li ksibna waqt li nkomplu naħdmu biex intejbu fejn hu meħtieġ fl-interess tat-tfal u taż-żgħażagħ tagħna.
Fl-aħħar tal-Konferenza se jkollna analiżi kritika minn konsulent fl-edukazzjoni dwar l-esperjenza lokali tal-Kulleġġi. B’dan il-mod, din il-Konferenza Nazzjonali qed iġġib flimkien l-imsieħba lokali kollha biex b’lenti lokali u internazzjonali nifhmu sew x’għamilna b’mod prattiku fi żmien qasir ħafna u nkunu f’pożizzjoni aħjar biex nibqgħu mexjin ’il quddiem biex nilħqu eċċellenza fl-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna.
Nagħlaq billi nkompli nħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minna biex flimkien inkomplu naħdmu favur edukazzjoni ta’ kwalita’, u nistedinkom tkomplu tinvestu f’identita’ b’saħħitha tal-Kulleġġi tal-Istat.
Din l-ewwel Konferenza Nazzjonali dwar il-Kulleġġi tal-Istat għandha mhux biss tkompli timplina b’kuraġġ u b’fiduċja, iżda għandha tgħinna wkoll biex inkomplu naħdmu u ntejbu kull fejn hu meħtieġ fl-interess ta’ uliedna.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990