Left arrow Go Back

MALTA U L-BOSNIJA HERZEGOVINA IWITTU T-TRIQ GĦAL IKTAR KOPERAZZJONI FL-INVESTIMENT

PR1094
Date Icon 11/06/2010

Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin Tonio Borg kellu taħditiet uffiċjali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Bosnija u Herzegovina H.E. Sven Alkalaj. Matul din iż-żjara ta’ jumejn iż-żewġ naħat qablu li se jkunu qed jaħdmu iktar mill-qrib biex ikattru l-investiment u joħolqu rabtiet bilaterali iktar b’saħħithom fl-oqsma politiċi, ekonomiċi u kulturali.

Waqt iż-żjara Dr Tonio Borg iffirma ftehim mal-Ministru Bosnijak fuq ir-ri-ammissjoni ta’ persuni bejn iż-żewġ stati. Il-Viċi Prim Ministru enfasizza l-bżonn li ż-żewġ pajjiżi jsaħħu il-qafas legali li jippermetti iktar kollaborazzjoni fl-investiment u l-kummerċ. Il-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin awgura li ż-żewġ pajjiżi ma jdumux ma jidħlu fil-ftehim dwar il-ħelsien mit-Taxxa Doppja, u ieħor dwar il-ħarsien tal-investimenti.

Huwa għamel referenza għall-85 ftehim li l-Gvern Malti, bl-involviment dirett tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin iffirma ma’ bosta pajjiżi sabiex iwitti t-triq għal relazzjonijiet aħjar.

Huwa talab għall-iktar kollaborazzjoni biex jissaħħaħ il-kummerċ bejn iż-żewġ stati li fil-present huwa limitat kemm fil-volum kif ukoll fil-materjal. L-importazzjoni mill-Bosnija u Herzegovina fl-2009 kienet limitata biss għax-Xorb, Karta u Injam li ammontaw għal madwar €62,000. L-esportazzjoni kienet limitata għall-prodotti farmaċewtiċi li ammontaw għal kważi €72,000. Il-Bosnija-Herzegovina għandha popolazzjoni għaxar darbiet iktar minn Malta u taqbeż l-4 miljun u 600 elf persuna. Il-Prodott Gross Domestiku per capita huwa terz ta’ dak li tipproduċi Malta. Ir-rata ta’ qagħd matul is-sena li għaddiet kienet stmata li tlaħħaq l-40 fil-mija, fost l-għola fl-Ewropa.

Waqt id-diskussjonijiet issemmiet ukoll il-possibiltà li studenti mill-Bosnia u Herzegovina jingħataw taħriġ fl-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi, il-MEDAC. Il-Viċi Prim Ministru sostna li ż-żewġ pajjiżi għandhom diversi interessi simili u komuni, speċjalment dawk marbuta mal-affarijiet Ewropej u Mediterranji. Għaldaqstant il-Bosnija tista’ tibbenefika sewwa minn taħriġ speċjalizzat offrut minn din l-Akkademja li għandha reputazzjoni b’saħħitha madwar l-Ewropa.

Dwar ir-relazzjonijiet bilaterali tajbin bejn Malta u l-Bosnia, iż-żewġ pajjiżi diġà għandhom fis-seħħ ftehim dwar il-koperazzjoni bejn iż-żewġ Ministeri tal-Affarijiet Barranin li kien iffirmat fl-2004. Dan il-ftehim għandu l-għan li jkun hemm konsultazzjoni regolari bejn iż-żewġ naħat dwar materji relatati mat-tisħiħ diplomaitiku, kulturali u politiku, speċjalment ma’ suġġetti marbuta mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, mal-implimentazzjoni ta’ ftehim bilaterali u kwistjonijiet internazzjonali.

Ir-relazzjonijiet diplomatiċi kienu bdew iktar minn ħmistax-il sena ilu. Iż-żewġ pajjiżi qed jaħdmu bis-sħiħ biex jesploraw oqsma ġodda ta’ interess. Malta irrikonoxxiet lill-Bosnija-Herzegovina bħala stat indipendenti u sovran  fit-8 ta’ April 1992. Bosnija-Herzegovina hija stat suċċessur li ħareġ mill-eks Federazzjoni Soċjalista tar-Repubblika Slovakka.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow