Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX BI TWEĠIBA GĦALL-ISTQARRIJA TAD-DEPUTAT TAL-OPPOŻIZZJONI, DR. ANTON REFALO

PR1090
Date Icon 10/06/2010

Stqarrija mimlija misinformazzjoni u qarrieqa

Hu ċar li l-Oppożizzjoni ma tridx tara proġetti jsiru f’Għawdex u għalhekk teħodha kontra kull proġett li jsir ġewwa Għawdex, kif qed terġa’ tagħmel dwar it-triq tax-Xlendi.  F’din il-leġiżlatura diġà nfetaħ iċ-Ċentru tal-Istudji Turistiċi, infetaħ iċ-Ċentru Santa Marta għall-persuni b’diżabilità, inbnew toroq arterjali u toroq lokali, infetaħ Ċentru għall-ġbir ta’ skart goff, saru proġetti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, sar aktar xogħol ta’ mmodernizzar fl-iskejjel, filwaqt li tkompla l-bini ta’ skola sekondarja ġdida. Il-Ministeru għal Għawdex se jkompli jwettaq aktar proġetti favur l-Għawdxin.

Il-Ministeru għal Għawdex għal darba oħra jiċħad l-allegazzjonijiet tal-kelliem tal-Oppożizzjoni Anton Refalo dwar il-bini tat-Triq tax-Xlendi.  

Fl-istqarrija tiegħu wera kemm ma huwiex infurmat jew inkella jrid jgħawweġ il-fatti għal skopijiet politiċi partiġġjani.  Il-kelliemi ewlieni tal-Oppożizzjoni jmissu jaf li dawn il-fondi huma marbuta bi proċess li jikkommetti lill-Gvern b’dati speċifiċi għat-tlestija tal-proġetti rispettivi.  Kieku l-Onor. Refalo vverifika dak li kiteb, kien isib li l–argumenti tiegħu huma għal kollox żbaljati.

Dak li qal il-kelliemi tal-Oppożizzjoni fl-istqarrija tiegħu huwa bla bażi u nkorrett. Il-Ministeru għal Għawdex jerġa’ jsostni li l-proċess tal-għoti tal-kuntratt huwa wieħed trasparenti mmexxi skont ir-regolamenti tal-Public Procurement u bbażat fuq il-kompetizzjoni ġusta.  Il-fatt li l-appell li sar fuq l-istess għotja tal-kuntratt intrebaħ mill-Gvern jikkonferma dan l-argument u jkompli jġib fix-xejn l-allegazzjoni tad-deputat tal-Oppożizzjoni, li x-xogħol qed isir issa biex jiġu aġevolati xi kuntratturi.  Kif diġà ġie spjegat, il-proġett beda aktar tard milli kien previst minħabba l-appell li sar.

Il-Ministeru għal Għawdex ħa l-inizjattivi neċessarji sabiex jonqos l-inkonvenjent kemm għall-operaturi turistiċi fix-Xlendi kif ukoll għall-pubbliku inġenerali. Ġie assigurat li jkun hemm rotot alternattivi tajbin biex ikun hemm aċċess tajjeb u kontinwu għall-bajja tax-Xlendi waqt li jkun għaddej ix-xogħol.

Il-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jkompli bil-ħidma tiegħu fit-twettieq tax-xogħlijiet marbuta ma’ diversi proġetti f’Għawdex. Minkejja l-qlajjiet infondati u nġusti maħsuba biss biex iħammġu jew ifixklu din il-ħidma, il-Ministeru għal Għawdex ma hu ser iħalli lil ħadd itelfu minn din il-ħidma b’risq il-gżira ta’ Għawdex.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow