STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMMUNITÀ
L-aħjar servizzi tas-saħħa b’xejn
Il-Gvern se jkompli jinvesti fl-oqsma tas-saħħa u tal-anzjani biex tkompli titjieb il-kwalita’ tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Minn meta fetaħ l-ISptar Mater Dei, aktar pazjenti qed jingħataw kura medika, qed isiru aktar eżamijiet mediċi u qed isiru aktar operazzjonijiet.
Fid-Dipartiment tal-Patoloġija saru 4,858,998 test li jfisser nofs miljun test aktar milli kienu saru fl-Isptar San Luqa. Tul is-sena li għaddiet saru 39,000 operazzjoni li jfisser żieda ta’ 6,000 operazzjoni fuq fl-aħħar sena tal-Isptar San Luqa. Il-Gvern qiegħed jinvesti aktar fil-qasam tas-saħħa, inkluż billi qed tiżdied il-mediċina li tingħata b’xejn u qed jiżdiedu s-servizzi u l-eżamijiet mediċi.
Għada l-Ġimgħa, il-Gvern se jiffirma ftehim li permezz tiegħu fl-Isptar Mater Dei se jkun hemm PET Scanner biex isiru eżamijiet fuq pazjenti li jkun hemm indikazzjoni li għandhom il-kanċer. Sakemm jasal il-PET Scanner, diġà sar ftehim ma’ sptar privat biex il-konsulenti jirreferu lill-pazjenti għal dan l-eżami fi sptar privat u l-ħlasijiet isiru mill-Gvern. Fil-fatt minn mindu ġie ffirmat dan il-ftehim fil-25 ta’ Mejju 2010 il-konsulenti diġà rreferew numru ta’ pazjenti li bbenefikaw mis-servizzi ta’ dan l-isptar privat.
Wara li l-Gvern investa u fetaħ Breast Screening Centre, se jinbena Ċentru tal-Onkoloġija. Inxtara wkoll linear accelerator biex pazjenti li għandhom il-kanċer jingħataw ir-raġġi b’tagħmir aktar modern u għalhekk aktar effettiv.
L-impenn tal-Gvern hu ċar: l-aħjar servizzi tas-saħħa b’xejn. Filwaqt li pajjiżi oħra qed inaqqsu l-ispiża fil-qasam tas-saħħa minħabba l-kriżi ekonomika, f’pajjiżna l-Gvern qiegħed jinvesti aktar fis-saħħa tal-poplu.
L-istqarrija tal-Onorevoli Michael Farrugia turi biċ-ċar li saret b’mod mgħaġġel u tidher ukoll li hija riżultat ta’ nuqqas ta’ apprezzament ta’ informazzjoni li hi pubblika.
Kif diġà ġie spjegat fil-mistoqsija parlamentari li twieġbet fis-26 ta’ Mejju 2010, ġew eżaminati l-obbligi kontrattwali li kellhom Skanska favur il-Gvern Malti u li dawn ġew onorati u l-ħlasijiet saru skont il-ftehim li kien ġie iffirmat bejn il-Gvern Malti u Skanska.
Fir-risposta li ngħatat fil-Parlament, ġie spjegat kif saru wkoll faċilitajiet addizzjonali għall-benefiċċju tal-pazjenti li jużaw l-Isptar Mater Dei. Dawn jinkludu fost l-oħrajn l-istallazzjoni ta’ Reverse Osmosis plant addizzjonali sabiex l-ilma li jintuża għat-trattament tal-pazjenti morda bil-kliewi mhux talli jkun konformi ma’ speċifikazzjonijiet mitluba mill-guidelines Ewropej iżda sabiex dan l-ilma ikun ta’ livell aktar għoli ta’ purezza. Kif spjegat ċar fir-risposta li ngħatat fil-Parlament, sar wkoll investiment sabiex xogħol li kellu jsir skont standards tekniċi li kienu definiti fis-sena 2000 jiġu mtejba u msaħħa għal standards aktar aġġornati u riċenti. Dan għall-beneficcju tal-pazjenti li jingħataw il-kura fl-Isptar Mater Dei.
Filwaqt li l-Gvern hu impenjat li jkompli jżid u jsaħħaħ is-servizzi tas-saħħa għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi u japprezza x-xogħol li jagħmlu dawk kollha involuti f’dan il-qasam l-Oppożizzjoni hi aktar interessata li tirriċikla kampanji negattivi li għamlet fil-passat. Qabel ma kienet qablet mal-Gvern li l-Isptar Mater Dei hu state of the art, l-Oppożizzjoni kienet diġà għamlet kampanji negattivi fl-imgħoddi u llum qed terġa tipprova tagħihom il-ħajja.
Il-konkluzjonijiet tal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-saħħa huma żbaljati u għaliex l-Oppożizzjoni m’għandhiex viżjoni dwar is-saħħa, tipprova tħawwad l-imħuħ.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990