IL-GVERN JIFFINANZJA SITT PROĠETTI SPEĊJALI F’LOKALITAJIET ŻGĦAR GĦAWDXIN
Sitt proġetti speċjali mressqa minn numru ta’ Kunsilli Lokali Għawdxin se jkunu qed jirċievu finanzjament mill-Gvern ċentrali permezz tal-Iskema ta’ Finanzjament ta’ Proġetti Speċjali f’Lokalitajiet Żgħar.
Din l-iskema hi waħda mill-25 li l-Gvern qed iħaddem din is-sena bil-għan ikun li l-Kunsilli Lokali jingħataw għajnuna finanzjarja addizzjonali għall-allokazzjoni diretta li jirċievu kull sena, sabiex iwettqu proġetti fil-lokalitajiet rispettivi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-Munxar, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali Chris Said semma l-lokalitajiet u l-proġetti li ntgħażlu biex jibbenefikaw minn din l-iskema.
Il-Kunsilli Lokali tax-Xewkija u ta’ Sannat, bi sħab, se jkunu qed jaħdmu fuq il-proġett tal-Park Reġjonali fil-Wied ta’ Mġarr ix-Xini li jinkludi skavar arkeoloġiku bil-koperazzjoni tad-Dipartiment tal-Arkeoloġija u tal-Istudji Klassiċi fi ħdan l-Università ta' Malta u tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
F’Ta’ Kerċem se jinbena ġnien ġdid, filwaqt li fil-Munxar se tinbena playing-field; fil-Fontana se jsir xogħol ta’ tisbiħ fit-Trejqa ta’ Wara d-Djar; fil-Qala se ssir Sala tal-Komunita’; filwaqt li f’San Lawrenz se tinbena daħla ġdida għaċ-Ċentru Ċiviku.
Dawn il-proġetti huma biss 6 mill-15 li se jkunu finanzjati permezz ta’ din l-iskema din is-sena u li bejniethom se jinvolvu investiment ta’ kważi kwart ta’ miljun ewro.
Il-lokalitajiet li kienu eliġibbli li japplikaw għal din l-iskema partikolari kienu dawk b’anqas minn 5,000 resident – jiġifieri dawk li għandhom ħames kunsillieri. Permezz tal-fond il-Kunsilli Lokali jingħataw sa massimu ta’ 50 fil-mija tal-ispiża tal-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali, Chris Said qal li l-allokazzjoni diretta għall-Kunsilli Lokali, f’dawn l-aħħar sentejn, żdiedet b’7 miljun ewro għal 32 miljun ewro. Minkejja dan, xorta waħda jkun hemm ċertu proġetti li ma jkunux jistgħu jsiru sakemm il-Gvern ma jgħinx direttament fit-twettiq tagħhom.
Kien għalhekk li fl-2010, il-Gvern waqqaf 25 skema differenti li permezz tagħhom diversi Kunsilli Lokali jistgħu jiksbu finanzjament żejjed b’tali mod li jkunu jistgħu iwettqu inizjattivi u proġetti varji. Dawn l-iskemi, il-Fond għar-Riġenerazzjoni Urbana u l-fondi Ewropej allokati għall-Kunsilli Lokali, flimkien jammontaw għal 40 miljun ewro bejniethom.
Chris Said fakkar ukoll li l-Kunsilli Lokali kollha qed jingħataw għajnuna b’xejn mill-MEUSAC biex jidentifikaw l-aħjar sorsi ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi wkoll jistgħu jintużaw biex jitwettqu proġetti mill-Kunsilli Lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990