STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GHAL KONSUMATURI, KOMPETIZZJONI GUSTA, KUNSILLI LOKALI U KONSULTAZZJONI PUBBLIKA
Il-Kap tal-Oppożiżżjoni jiddefendi l-interessi ta’ min irid li l-prezzijiet tal-mediċini jkunu għoljin
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat qed jivvinta minn żniedu meta jgħid li l-Gvern qed jhedded bil-bulk-buying tal-mediċini u li qed jipprova jneħħi l-kumpaniji u l-importaturi tal-prodotti mediċinali. Dan kollu mhux veru.
Bil-kontra ta’ dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożiżżjoni, il-Gvern irid li l-prezzijiet tal-mediċini jorħsu fl-interess tal-konsumatur. Is-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Konsumatur u Kompetizzjoni Ġusta qed jaħdem biex il-prezzijiet tal-mediċini jorħsu u jinżlu f’livelli aċċettabbli b’tali mod li ma jkunux ta’ piż fuq min ikollu bżonn jixtrihom.
L-interess tal-Gvern hu li jħares lill-konsumatur u għal dan il-għan lest jikkunsidra miżuri fosthom li jagħmel il-mekkaniżmu li jistabbilixxi x’għandhom ikunu l-prezzijiet tal-mediċini bħala mandatorju.
L-importaturi qablu mat-twaqqif ta’ dan il-mekkaniżmu fl-2007 u għadhom jappoġġjawh sal-lum. Madanakollu l-konsumatur mhux igawdi mill-prezzijiet li qed jasal għalihom il-Kumitat ta’ Ħidma dwar il-Prezzijiet tal-Mediċini.
Hu għalhekk li l-Gvern lest jikkunsidra aktar miżuri fosthom ukoll li jibda jimporta l-mediċini bħalma jagħmlu l-importaturi. Il-Gvern ma jridx jieħu post l-importaturi imma jrid li l-konsumatur iħallas prezzijiet ġusti u mhux ogħla milli għandhom ikunu.
Il-Gvern irid iħares l-interessi tal-konsumaturi bil-kuntrarju tal-Kap tal-Oppożiżżjoni Joseph Muscat li bid-diskors tiegħu qed jiddefendi l-interess ta’ min irid li l-prezzijiet tal-mediċini jibqgħu ogħla mill-medja Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990