Left arrow Mur Lura

GĦAWDEX IFAKKAR IL-JUM DINJI FAVUR L-AMBJENT

PR1057
Date Icon 05/06/2010

Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, ħabbret li l-Ministeru għal Għawdex identifika erba’ siti ġodda għat-taħwil tas-siġar f’Għawdex, li huma l-Qortin fix-Xagħra, il-Qortin tan-Nadur, Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn u l-estensjoni tal-bosk Papa Ġwanni XXIII fl-Imġarr.

Il-Ministru Debono ħabbret dan waqt l-attività mtellgħa mill-Ministeru fl-okkażjoni tal-Jum Dinji favur l-Ambjent. Hi żiedet tgħid li x-xogħol fuq dawn is-siti mistenni jibda fi żmien ftit ġimgħat. Matul din l-attività, il-Ministru Debono nediet għat-tieni darba Skema ta’ Restawr ta’ Rdieden tar-Riħ, ukoll bħala parti mill-proġett Eko-Għawdex.

Sadanittant, madwar 60 student li jattendu ċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri dalgħodu pparteċipaw fil-programm ta’ attivitajiet imtella’ mill-Ministeru għal Għawdex fl-okkażjoni tal-Jum Dinji favur l-Ambjent, li din is-sena għandu t-tema Ħafna Speċi. Pjaneta Waħda. Futur Wieħed.

L-attivitajiet li kienu kkonċentrati f’Wied il-Lunzjata, bejn ir-Rabat u Ta’ Kerċem, kienu jinkludu rakkonti ta’ stejjer għal tfal ta’ bejn il-5 u s-7 snin, sessjoni ta’ xogħol tal-kartapesta magħmul minn materjal riċiklat, sessjoni tat-tpinġija u oħra tal-bizzilla, żrigħ ta’ pjanti u pariri dwarhom, għalf tan-nagħaġ, logħob għat-tfal u varjetà għal kulħadd. Bosta kienu dawk li waqt li kienu hemm żaru l-Kappella tal-Lunzjata jew għamlu xi mixja f’dan il-wied.

Fil-messaġġ tagħha fl-okkażjoni ta’ dan il-jum dinji, il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono qalet li mhuwiex biżżejjed li dawn l-attivitajiet iżidu l-għarfien dwar l-importanza biex nibżgħu għall-ambjent. Sostniet li kulħadd għandu jagħti s-sehem tiegħu u jieħu azzjoni sabiex l-ispeċi diversi fil-pjaneta waħda tagħna jiġu protetti u b’hekk nilqgħu mill-kumplikazzjonijiet li jitfaċċaw bit-tnaqqir fil-biodiversità. Il-Ministru Debono rreferiet għal ħidma tal-gvern fil-mixja tiegħu biex jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika. Hija semmiet fost l-oħrajn il-proġett ta’ tindif ta’ lqugħ ta’ l-ilma fil-widien ta’ Għawdex, li ġie mniedi ilbieraħ u li se jwassal biex itejjeb id-dehra ġenerali tal-kampanja f’Għawdex kif ukoll se jservi biex jinħolqu faċilitajiet għall-ħażniet ta’ l-ilma tax-xita, fix-xhur tax-xitwa.

Attivitajiet oħra li ġew organizzati f’Għawdex matul din il-ġimgħa kienu jinkludu programm organizzat mill-Hands on Farming fil-Qala, li kien jinkludi fost l-oħrajn taħwil ta’ siġar u qari tal-poeżiji, kif ukoll it-tnedija ta’ l-inizjattiva Spot the Jellyfish, li l-għan tagħha hu li żżid l-għarfien dwar id-diversità ta’ speċi ta’ bram f’Malta, permezz ta’ eżerċizzju li jinvolvi rapporti ta’ bram li wieħed jara waqt li jkun qed jgħum.

Permezz ta’ dawn l-attivitajiet, illum Għawdex ingħaqad ma’ Malta u ma’ aktar minn mitt pajjiż madwar id-dinja biex ifakkar dan il-jum, li ilu jiġi ċċelebrat mill-1972.

DOI - 05.06.2010

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

Aktar Stqarrijiet Right arrow