DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TAD-DAR IL-ĠDIDA TAL-ANZJANI TA’ CAREMALTA, “ROSEVILLE” FI TRIQ SANT’ANTNIN, Ħ’ ATTARD - IL-ĠIMGĦA, 4 TA’ ĠUNJU 2010
Huwa ta sodisfazzjon għalija u għall-Gvern li niftaħ din id-dar għall-anzjani immexxija min CareMalta li issa ilhom snin jaħdmu f’dan is-settur u jipprovdu firxa ta’ servizzi għall-anzjani.
Li qed nagħmlu llum mhux sempliċiment il-ftuħ ta’ dar oħra. Illum qed inwettqu fil-prattika żewġ valuri fundamentali li fuqhom il-Gvern qed jaħdem biex jibni s-soċjetà tagħna. Il-valuri tas-solidarjetà u tas-sussidjarjetà. Dawn huma valuri li jiddistingwu lis-soċjetà tagħna, li jagħmlu lill-poplu Malti l-Ġens li hu.
Aħna poplu sensittiv. Inħossu għal dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet. Poplu li nifhmu, nagħdru u ngħinu.
Is-solidarjetà tiġi mill-għarfien li aħna l-bnedmin niffurmaw nisġa waħda ta’ relazzjonijiet. Aħna niddependu minn xulxin. Il-passat, il-preżent u l-futur ta’ kull wieħed u waħda minna huma r-riżultat tar-relazzjonijiet li sawruna u li sawwarna. Is-soċjetà tista’ timxi ’l quddiem biss meta nagħrfu li f’din in-nisġa kulħadd għandu postu.
Is-soċjetà li rridu nibnu flimkien – jiġifieri l-Gvern, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, il-Knisja u l-individwi – trid titfassal fuq il-kura li nieħdu ta’ xulxin. Fuq kemm nagħtu każ xulxin. Illum, bil-ftuħ ta’ din id-dar qed niċċelebraw din is-solidarjetà ma’ grupp importanti fis-soċjetà tagħna, jiġifieri l-anzjani. Tul is-snin kienu huma li welldu, rabbew u bnew lill-familji tagħna u lin-nazzjon tagħna. Illum il-familji tagħhom u n-nazzjon qegħdin iroddulhom ftit minn dak li taw billi jipprovdulhom kenn xieraq.
L-anzjani għandhom rwol importanti. L-anzjani m’humiex il-passat. Huma parti importanti mis-soċjetà anke wara li jidħlu f’dar għall-anzjani. Xorta jibqgħu jagħtu l-kontribut partikulari tagħhom. Nagħmlu żball jekk inħarsu lejn il-kontribut tagħhom mill-perspettiva utilitarja materjalista. L-anzjani, jgħixu fejn jgħixu, jagħnu l-ħajja tagħna lkoll u mhux biss il-ħajja tal-qraba tagħhom li għandhom jibqgħu jżommuhom f’għożża, iżuruhom u jqisuhom bħala parti minn ħajjithom. Id-djar għall-anzjani m’humiex sostitut għall-familji iżda sostenn għall-familji.
Bħal kull parti oħra tas-soċjetà l-anzjani għandhom bżonnijiet partikulari. Minħabba kundizzjonijiet u ċirkustanzi partikulari marbuta mal-anzjanità, dawn id-djar jipprovdu spazju aktar adegwat fejn il-ġenerazzjonijiet differenti fi ħdan il-familja jistgħu jibqgħu jgawdu lil xulxin.
L-iżvilupp ta’ djar għall-anzjani u servizzi għall-anzjani mill-privat u mill-volontarjat juri li t-tħaddim tas-solidarjetà huwa responsabbiltà tas-soċjetà kollha u mhux tal-Gvern biss.
Dan iwassalni għat-tieni valur li qed niċċelebraw illum: is-sussidjarjetà. Din tipprovdina bl-għodda biex inkunu nistgħu nħaddmu fil-prattika s-solidarjetà għax is-sussidjarjetà tifrex il-poter, ir-responsabbiltajiet, id-dmirijiet u l-ħidmiet meħtieġa li jsiru fost il-membri kollha tas-soċjetà.
Il-Gvern ilu jħaddem is-sussidjarjetà fil-qasam tal-anzjani billi jaħdem id f’id mal-Knisja, mas-settur privat, il-Kunsilli Lokali u l-volontarjat.
Bħalissa l-Gvern qed jikri 209 sodod mingħand djar tal-anzjani immexxija mis-settur privat biex l-anzjani joqgħodu fihom. Din l-inizjattiva bdiet fis-sena 2002 bil-kiri ta’ madwar 60 sodda. B’hekk il-Gvern ikun jista’ jipprovdi aktar postijiet għall-anzjani.
Is-sussidjarjetà f’dan il-qasam għamlet qabża kwalitattiva meta żviluppajna forma oħra ta’ sħubija mal-privat. Id-djar tal-anzjani tal-Gvern taż-Żejtun, Bormla u l-Mellieħa huma mmexxija fuq il-kunċett ta’ public private partnership. Kull min iżur jew jgħix f’dawn id-djar huwa xhud tar-riżultati pożittivi ta’ din l-inizjattiva.
Il-Gvern jemmen li l-privat għandu ħafna x’joffri kemm bħala Djar attrezzati bl-affarijiet kollha meħtieġa kif ukoll livell ta’ servizz u impjegati mħarrġa.
Iżda s-sussidjarjetà ma tneħħix minn fuq il-Gvern id-dmir li jkun huwa wkoll li b’mod dirett jibqa’ joffri servizzi tal-ogħla kwalità lill-anzjani tagħna.
Fil-fatt matul dawn l-aħħar ħames snin daħlu 2,700 anzjan u anzjana fid-djar tal-anzjani tal-Gvern. Aktar minn 600 minnhom daħlu fid-diversi djar li l-Gvern għandu fi bliet u irħula differenti. L-oħrajn, jiġifieri aktar minn elfejn daħlu fir-Residenza San Vinċenz. Din ir-residenza kibret, sbieħet u tjiebet. Is-servizz offrut fiha huwa tal-aqwa kwalità kif jixhed il-blokk kbir imsemmi għall-Papa Ġwanni Pawlu II li ftaħt ix-xahar li għadda. Is-swali huma attrezzati għall-anzjani li għandhom id-dimenzja u l-ħaddiema ngħataw taħriġ biex joffru l-aħjar kura lill-anzjani li jkollhom din il-kundizzjoni.
Barra d-djar residenzjali qed inkomplu nipprovdu spazji oħra ta’ kenn għall-anzjani tagħna matul il-ġurnata. Illum f’pajjiżna għandna 17-il Day Centre. Il-Kunsilli Lokali huma strumentali biex jitmexxew dawn iċ-ċentri u joħolqu attivitajiet biex l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità. Dalgħodu fetaħ Day Centre għall-anzjani ġdid fil-Mellieħa. Fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetaħ l-ewwel night shelter għall-anzjani fiż-Żejtun. Dan se jsir bi ftehim mas-sorijiet tal-Istitut Ġesù Nazzarenu. Night shelter li hu riżultat tal-politika tagħna ta’ sussidjarjetà u kooperazzjoni.
L-eżempji li semmejt juru l-ħidma flimkien tal-Gvern, il-Kunsilli Lokali, is-settur privat u l-Knisja. Is-settur tal-volontarjat huwa qawwi ħafna f’diversi oqsma tas-soċjetà u huwa wieħed mill-akbar rikkezzi li għandu l-pajjiż. Nappella lil dan is-settur biex jifrex aktar il-ħidma tiegħu mal-anzjani u li aktar nies jissieħbu f’għaqdiet volontarji.
F’isem il-Gvern u l-poplu Malti nirringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor qiegħed jaħdem u jagħti s-sehem tiegħu biex joffri attenzjoni, kura u kenn lill-anzjani ġewwa pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990