Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LAWRENCE GONZI, PRIM MINISTRU, FL-OKAŻJONI TAL-FTUĦ UFFIĊJALI TAD-DAR IL-ĠDIDA TAL-ANZJANI TA’ CAREMALTA, “ROSEVILLE” FI TRIQ SANT’ANTNIN, Ħ’ ATTARD - IL-ĠIMGĦA,  4 TA’ ĠUNJU 2010

PR1052
Date Icon 04/06/2010

Huwa ta sodisfazzjon għalija u għall-Gvern li niftaħ din id-dar għall-anzjani immexxija min CareMalta li issa ilhom snin jaħdmu f’dan is-settur u jipprovdu firxa ta’ servizzi għall-anzjani.

Li qed nagħmlu llum mhux sempliċiment il-ftuħ ta’ dar oħra.  Illum qed inwettqu fil-prattika żewġ valuri fundamentali li fuqhom il-Gvern qed jaħdem biex jibni s-soċjetà tagħna.  Il-valuri tas-solidarjetà u tas-sussidjarjetà.  Dawn huma valuri li jiddistingwu lis-soċjetà tagħna, li jagħmlu lill-poplu Malti l-Ġens li hu. 

Aħna poplu sensittiv.  Inħossu għal dawk li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet.  Poplu li nifhmu, nagħdru u ngħinu. 

Is-solidarjetà tiġi mill-għarfien li aħna l-bnedmin niffurmaw nisġa waħda ta’ relazzjonijiet. Aħna niddependu minn xulxin.  Il-passat, il-preżent u l-futur ta’ kull wieħed u waħda minna huma r-riżultat tar-relazzjonijiet li sawruna u li sawwarna.  Is-soċjetà tista’ timxi ’l quddiem biss meta nagħrfu li f’din in-nisġa kulħadd għandu postu. 

Is-soċjetà li rridu nibnu flimkien – jiġifieri l-Gvern, is-settur privat, is-soċjetà ċivili, il-Knisja u l-individwi – trid titfassal fuq il-kura li nieħdu ta’ xulxin.  Fuq kemm nagħtu każ xulxin.  Illum, bil-ftuħ ta’ din id-dar qed niċċelebraw din is-solidarjetà ma’ grupp importanti fis-soċjetà tagħna, jiġifieri l-anzjani.  Tul is-snin kienu huma li welldu, rabbew u bnew lill-familji tagħna u lin-nazzjon tagħna.  Illum il-familji tagħhom u n-nazzjon qegħdin iroddulhom ftit minn dak li taw billi jipprovdulhom kenn xieraq.  

L-anzjani għandhom rwol importanti.  L-anzjani m’humiex il-passat.  Huma parti importanti mis-soċjetà anke wara li jidħlu f’dar għall-anzjani.  Xorta jibqgħu jagħtu l-kontribut partikulari tagħhom.  Nagħmlu żball jekk inħarsu lejn il-kontribut tagħhom mill-perspettiva utilitarja materjalista.  L-anzjani, jgħixu fejn jgħixu, jagħnu l-ħajja tagħna lkoll u mhux biss il-ħajja tal-qraba tagħhom li għandhom jibqgħu jżommuhom f’għożża, iżuruhom u jqisuhom bħala parti minn ħajjithom.  Id-djar għall-anzjani m’humiex sostitut għall-familji iżda sostenn għall-familji.

Bħal kull parti oħra tas-soċjetà l-anzjani għandhom bżonnijiet partikulari. Minħabba kundizzjonijiet u ċirkustanzi partikulari marbuta mal-anzjanità, dawn id-djar jipprovdu spazju aktar adegwat fejn il-ġenerazzjonijiet differenti fi ħdan il-familja jistgħu jibqgħu jgawdu lil xulxin.

L-iżvilupp ta’ djar għall-anzjani u servizzi għall-anzjani mill-privat u mill-volontarjat juri li t-tħaddim tas-solidarjetà huwa responsabbiltà tas-soċjetà kollha u mhux tal-Gvern biss. 

Dan iwassalni għat-tieni valur li qed niċċelebraw illum: is-sussidjarjetà. Din tipprovdina bl-għodda biex inkunu nistgħu nħaddmu fil-prattika s-solidarjetà għax is-sussidjarjetà tifrex il-poter, ir-responsabbiltajiet, id-dmirijiet u l-ħidmiet meħtieġa li jsiru fost il-membri kollha tas-soċjetà.

Il-Gvern ilu jħaddem is-sussidjarjetà fil-qasam tal-anzjani billi jaħdem id f’id mal-Knisja, mas-settur privat, il-Kunsilli Lokali u l-volontarjat.

Bħalissa l-Gvern qed jikri 209 sodod mingħand djar tal-anzjani immexxija mis-settur privat biex l-anzjani joqgħodu fihom. Din l-inizjattiva bdiet fis-sena 2002 bil-kiri ta’ madwar 60 sodda. B’hekk il-Gvern ikun jista’ jipprovdi aktar postijiet għall-anzjani.

Is-sussidjarjetà f’dan il-qasam għamlet qabża kwalitattiva meta żviluppajna forma oħra ta’ sħubija mal-privat.  Id-djar tal-anzjani tal-Gvern taż-Żejtun, Bormla u l-Mellieħa huma mmexxija fuq il-kunċett ta’ public private partnership.  Kull min iżur jew jgħix f’dawn id-djar huwa xhud tar-riżultati pożittivi ta’ din l-inizjattiva.

Il-Gvern jemmen li l-privat għandu ħafna x’joffri kemm bħala Djar attrezzati bl-affarijiet kollha meħtieġa kif ukoll livell ta’ servizz u impjegati mħarrġa.

Iżda s-sussidjarjetà ma tneħħix minn fuq il-Gvern id-dmir li jkun huwa wkoll li b’mod dirett jibqa’ joffri servizzi tal-ogħla kwalità lill-anzjani tagħna.

Fil-fatt matul dawn l-aħħar ħames snin daħlu 2,700 anzjan u anzjana fid-djar tal-anzjani tal-Gvern.  Aktar minn 600 minnhom daħlu fid-diversi djar li l-Gvern għandu fi bliet u irħula differenti.  L-oħrajn, jiġifieri aktar minn elfejn daħlu fir-Residenza San Vinċenz.  Din ir-residenza kibret, sbieħet u tjiebet.  Is-servizz offrut fiha huwa tal-aqwa kwalità kif jixhed il-blokk kbir imsemmi għall-Papa Ġwanni Pawlu II li ftaħt ix-xahar li għadda.  Is-swali huma attrezzati għall-anzjani li għandhom id-dimenzja u l-ħaddiema ngħataw taħriġ biex joffru l-aħjar kura lill-anzjani li jkollhom din il-kundizzjoni.

Barra d-djar residenzjali qed inkomplu nipprovdu spazji oħra ta’ kenn għall-anzjani tagħna matul il-ġurnata.  Illum f’pajjiżna għandna 17-il Day Centre.  Il-Kunsilli Lokali huma strumentali biex jitmexxew dawn iċ-ċentri u joħolqu attivitajiet biex l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità.  Dalgħodu fetaħ Day Centre għall-anzjani ġdid fil-Mellieħa.  Fil-ġimgħat li ġejjin se jinfetaħ l-ewwel night shelter għall-anzjani fiż-Żejtun.  Dan se jsir bi ftehim mas-sorijiet tal-Istitut Ġesù Nazzarenu.  Night shelter li hu riżultat tal-politika tagħna ta’ sussidjarjetà u kooperazzjoni.

L-eżempji li semmejt juru l-ħidma flimkien tal-Gvern, il-Kunsilli Lokali, is-settur privat u l-Knisja.  Is-settur tal-volontarjat huwa qawwi ħafna f’diversi oqsma tas-soċjetà u huwa wieħed mill-akbar rikkezzi li għandu l-pajjiż.  Nappella lil dan is-settur biex jifrex aktar il-ħidma tiegħu mal-anzjani u li aktar nies jissieħbu f’għaqdiet volontarji.

F’isem il-Gvern u l-poplu Malti nirringrazzja lil kull min b’xi mod jew ieħor qiegħed jaħdem u jagħti s-sehem tiegħu biex joffri attenzjoni, kura u kenn lill-anzjani ġewwa pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow