STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-FINANZI, L-EKONOMIJA U INVESTIMENT
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jerġa’ jwieġeb dwar l-allegazzjonijiet infondati
Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment jirreferi għall-Protest Gudizzjarju preżentat mill-Kaptan Mario Grech kontra l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. Il-protest ġudizzjarju ġie ippreżentat mill-Kaptan Grech wara l-konklużjonijiet tal-Bord ta’ Inkjesta appuntat mill-Ministru Tonio Fenech dwar l-allegazzjonijiet tal-istess Kaptan, li issa rriżulta li ma kienux minnhom.
Il-Ministeru għadu ma kienx notifikat formalment bil-protest u r-risposta formali titressaq meta jkun il-każ, madanankollu jħoss li għandu jwieġeb pubblikament dan il-protest li diġà hu pubbliku u li fih hemm allegazzjonijiet li għal darb’oħra m’humiex minnhom.
Il-Kaptan Grech, qed jippersisti li jgħawweġ il-fatti fid-dawl tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-bord tal-investigazzjoni li ftit ħallew dubji.
L-attakk li sar mill-Kaptan Grech fuq il-membri tal-bord mhux ġustifikat għaliex kollha huma nies professjonali b’esperjenza kbira fis-settur tagħhom. Żewġ membri tal-Bord għandhom ukoll esperjenza sostanzjali fis-settur marittimu, kuntrarju ta’ dak li jallega l-Kaptan Grech.
Col. Emm. Mallia, huwa responsabbli mill-operazzjonijiet tal-ajru u marittimi tal-Forzi Armati, għandu post-graduate diploma fil-liġi marittima internazzjonali u huwa qualified instructor in maritime search and rescue. Il-Kaptan Ghassan Abdullah huwa Master Mariner Class 1, u lecturer fil-Maritime Institute.
Hu sinifikattiv li l-Kaptan Grech qed jagħmel dawn l-insinwazzjoniet issa li l-Bord irrapporta kontra dak li qal hu u f’ebda mument matul l-investigazzjoni ma’ esprima xi problema fil-konfront tal-istess Bord.
Il-Kaptan Grech oriġinarjament kien se jigi sospiż b’dixxiplina wara li għamel numru ta’ allegazzjonijiet dwar materji fejn kiser l-obbligi ta’ kunfidenzjalità. Peress illi kien hemm allegazzjonijiet, li issa kien stabbilit li ma kienux minnhom, dwar sigurtà, inħass illi sospensjoni dixxiplinarja ma kinitx f’lokha u minflok, ittieħdet biss miżura amministrattiva li jitpoġġa off-roster.
Mhux ċar għaliex Grech qed jippersisti fil-kampanja tiegħu. Madanakollu, minħabba din il-persistenza ta’ allegazzjonijiet infondati, b’dispjacir il-Ministeru jkollu jesponi l-fatt li gej: filwaqt li qed jakkuża membru tal-Bord b’kunflitt ta’ interess għaliex dal-membru ma kienx ingħata kariga minn bord tal-għażla li tiegħu l-Kaptan kien membru, filfatt, kien il-Kaptan Grech li kien kandidat biex isir Chief Executive Officer tal-kumpanija u ma ntagħzilx.
Il-Ministeru ma jistax jgħid li din hi neċessarjament ir-raguni għall-allegazzjonijiet kontinwi u infondati tiegħu, madanakollu ħass li kellu jwiegeb pubblikament għal dan il-protest biex ma jkomplux jitgħawwgu l-fatti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990