JIBDA T-TINDIF TAL-WIDIEN F’GĦAWDEX KIF IMWIEGĦED F’EKO GĦAWDEX
Ix-xogħol ta’ tindif f’Wied ta’ Żejta, fil-limiti tar-Rabat Għawdex beda fil-ġimgħat li għaddew u s’issa diġà nġabru madwar elf tunnellata ta’ materjal.
Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet fl-istess wied, fejn nediet il-proġett ta’ tindif ta’ lqugħ ta’ l-ilma fil-gżira Għawdxija, liema proġett se jsir fid-dawl tal-viżjoni tal-gvern li jagħmel minn Għawdex gżira ekoloġika. Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll l-Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, l-Onor. Frederick Azzopardi.
Dan il-proġett estensiv, li jagħmel parti mill-ħidma tal-gvern biex Għawdex isir gżira ekoloġika, seta’ jibda frott il-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-MEPA.
Il-Ministru Debono ħabbret li matul din is-sena ser isir tindif fuq erba’ lqugħ ta’ l-ilma – tnejn f’Wied ta’ Żejta u tnejn oħra fil-wied li jinsab bejn ir-Rabat u Marsalforn. Hija qalet li dan huwa biss il-bidu, għax b’kollox hemm ippjanat li jitnaddfu madwar 30 ilqugħ ta’ l-ilma fil-widien, li diġà ġew identifikati. Il-Ministru Giovanna Debono qalet li dak li akkumula matul snin twal mhuwiex ser jisparixxi fi ftit żmien, iżda b’impenn u strateġija dan l-għan se jintlaħaq. “Dan il-proġett mhux biss se jtejjeb id-dehra ġenerali tal-kampanja f’Għawdex u jeħlisha minn materjal li ntefa’ hemm matul is-snin, iżda ser iservi wkoll biex jinħolqu faċilitajiet għall-ħażniet ta’ l-ilma tax-xita, fix-xhur tax-xitwa. Dan għandu jkun ta’ benefiċċju għas-settur agrikolu”, żiedet tgħid il-Ministru Debono.
Il-proġett tat-tindif ta’ lqugħ ta’ l-ilma fil-widien ta’ Għawdex huwa wieħed mill-25 proposta fost it-80 mniżżla fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-viżjoni eko-Għawdex għal perjodu 2010-2012, li l-Ministeru għal Għawdex jinsab għaddej b’ħidma fuqhom.
Minħabba n-natura tiegħu, ix-xogħol ta’ tindif ta’ lqugħ ta’ l-ilma, jista’ jsir fix-xhur xotti tas-sena u għalhekk matul ix-xhur tas-sajf ser ikunu qed jitwettqu diversi inizjattivi f’dan ir-rigward.
Il-Ministeru għal Għawdex qed iniedi dan il-proġett, jum biss qabel ma’ d-dinja se tkun qed tiċċelebra l-Jum Dinji favur l-Ambjent bit-tema Ħafna Speċi. Pjaneta Waħda. Futur Wieħed.
Għal matul dan il-jum, l-istess Ministeru se jkun qed itella’ programm ta’ attivitajiet għall-familja kollha f’Wied il-Lunzjata, li jinsab bejn ir-Rabat u Kerċem. L-attivitajiet jinkludu rakkonti ta’ stejjer għat-tfal, xogħol tal-kartapesta magħmul minn materjal riċiklat, sessjoni tat-tpinġija u oħra tal-bizzilla għat-tfal, żrigħ ta’ pjanti u pariri dwarhom, għalf tan-nagħaġ, logħob għat-tfal u varjetà għal kulħadd. Matul din l-attività, il-Ministru għal Għawdex se tkun qed tniedi għat-tieni darba Skema għar-Restawr ta’ Rdieden tar-Riħ, ukoll bħala parti mill-proġett Eko-Għawdex.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990