KWART TA’ MILJUN EWRO GĦAL 15-IL PROĠETT SPEĊJALI F’LOKALITAJIET ŻGĦAR
Il-Gvern se jkun qed jgħin fil-finanzjament u fit-twettiq ta’ 15-il proġett speċjali f’daqstant ieħor lokalitajiet żgħar. Għal dan il-għan se jkun qed joħroġ €237,000 permezz ta’ l-Iskema ta’ Finanzjament ta’ Proġetti Speċjali f’Lokalitajiet Żgħar li hi waħda mill-iskemi ta’ fondi speċjali għall-2010.
Il-proġetti se jsiru f’seba’ lokalitajiet f’Malta u fi tmien lokalitajiet f’Għawdex. Dawn huma l-Birgu, Ħal Balzan (2), Ħal Għaxaq, Ħal Kirkop, Ħal Lija, l-Imqabba, Santa Luċija, il-Fontana, Ta’ Kerċem, il-Munxar, il-Qala, San Lawrenz, ix-Xewkija u Ta’ Sannat.
L-iskema hi mmirata li tgħin lokalitajiet żgħar jagħmlu ċertu proġetti li ma jistgħux jilħqu jagħmlu bl-allokazzjoni finanzjarja diretta li jingħataw kull sena. Oriġinarjament intefgħu 34 applikazzjoni minn 27 Kunsill Lokali differenti. Bord tal-Evalwazzjoni maħtur apposta għażel il-proġetti skond kriterji mfassla u indikati minn qabel.
Il-lokalitajiet li kienu eliġibbli li japplikaw kienu dawk b’anqas minn 5,000 resident – jiġifieri dawk li għandhom ħames kunsillieri. Peress li dawn il-lokalitajiet għandhom budgets żgħar huma l-anqas li kellhom żidiet fuq bażi perċentwali.
Sabiex Kunsill Lokali jirċievi l-finanzjament neċessarju taħt din l-iskema kellu jippreżenta proġett li jkun jaqa’ taħt ir-responsabbilta’ diretta tiegħu. Permezz tal-fond il-Kunsilli Lokali jingħataw sa massimu ta’ 50 fil-mija tal-ispiża tal-proġett.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Chris Said qal li l-allokazzjoni diretta għall-Kunsilli Lokali, f’dawn l-aħħar sentejn, żdiedet b’7 miljun ewro għal 32 miljun ewro. Minkejja dan xorta waħda jkun hemm ċertu proġetti li ma jkunux jistgħu jsiru sakemm il-Gvern ma jgħinx direttament fit-twettiq tagħhom.
Kien għalhekk li fl-2010 il-Gvern waqqaf 25 skema differenti li permezz tagħhom diversi Kunsilli Lokali jistgħu jiksbu finanzjament żejjed b’tali mod li jkunu jistgħu iwettqu inizjattivi u proġetti varji. Dawn l-iskemi jvarjaw minn għajnuna biex isir restawr, l-investiment f’sistemi ta’ enerġija alternattiva, il-ħarsien tal-identita’ u l-wirt storiku, u l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali. Din is-sena dawn il-fondi jammontaw għal 40 miljun ewro bejniethom.
Chris Said fakkar ukoll li l-Kunsilli Lokali kollha qed jingħataw għajnuna b’xejn mill-MEUSAC biex jidentifikaw l-aħjar sorsi ta’ finanzjament mill-Unjoni Ewropea. Dawn il-fondi wkoll jistgħu jintużaw biex jitwettqu proġetti mill-Kunsilli Lokali.
Il-lista ta’ proġetti magħżula għal finanzjament permezz ta’ din l-iskema:
1. Birgu – il-manutenzjoni, t-tisbiħ u l-aċċessibilita’ ta’ latrina pubblika f’Sally Porte
2. Ħal Balzan – ir-restawr tal-istatwa ta’ Santa Marija li tinsab fi Triq il-Kbira
3. Ħal Balzan – stallazzjoni ta’ gazebo fil-ġnien tal-playing field ħdejn il-Knisja
4. Fontana – xogħol ta’ tisbiħ fit-Trejqa ta’ Wara d-Djar
5. Ħal Għaxaq – proġett ta’ ġnien u bandli
6. Ta’ Kerċem – proġett ta’ bini ta’ ġnien ġdid fi Triq il-Ħorġ/Triq is-Summiena
7. Ħal Kirkop – it-tisbiħ tal-apron tal-ajruplani
8. Ħal Lija – it-tisbiħ ta’ Vjal it-Trasfigurazzjoni
9. L-Imqabba – ir-riabilitazzjoni tal-ġnien magħruf bħala tal-Ġibjun
10. Il-Munxar – il-bini ta’ playing field
11. Il-Qala – proġett li permezz tiegħu basement se jkun trasformat f’Sala tal-Komunita’
12. San Lawrenz – il-bini tad-daħla taċ-Ċentru Ċiviku
13. Santa Luċija – il-bini ta’ latrina pubblika fl-area tal-playing field f’Dawret it-Torri
14. ix-Xewkija u ta’ Sannat – proġett ta’ Park Reġjonali fil-Wied ta’ Mġarr ix-Xini
15. Mtarfa – il-bini mill-ġdid tal-bandli.
Other Press Releases:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990