JINFETAĦ IĊ-ĊENTRU TA’ MATUL IL-JUM GĦALL-ANZJANI FIL-MELLIEĦA
Dalgħodu nfetaħ is-17-il Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani. F’dak li huwa r-riżultat ta’ ħidma konġunta bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, dan iċ-ċentru huwa mgħammar b’diversi faċilitajiet li jippromwovu l-ħajja attiva.
Waqt l-inawgurazzjoni, is-Sindku tal-Mellieħa, is-Sur Robert Cutajar, faħħar id-direzzjoni li qiegħed jieħu l-Gvern fis-settur tal-Anzjani. Hu qal li filwaqt li l-kollaborazzjoni dejjem twassal għal riżultat pożittiv, il-Kunsill qiegħed jikkommetti s-somma ta’ €20,000 fis-sena sabiex iċ-ċentru jibqa’ jipprovdi taħriġ u opportunitajiet varji u interessanti lill-anzjani.
Is-Sindku qal li fiċ-ċentru, l-anzjani se jkunu jistgħu jitgħallmu kif jużaw il-kompjuter permezz tal-programm E-Anzjan, li qiegħed isir b’kollaborazzjoni ma’ TCTC. Fl-istess ċentru, li jifforma parti mill-bini tad-Dar il-Madonna tal-Mellieħa, hemm ukoll kamra ddedikata għall-attivitajiet sportivi. Filfatt, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Isport, l-anzjani se jkollhom nies imħarrġa apposta li se jipprovdu sessjonijiet ta’ eżerċizzju fiżiku filwaqt li jkunu jistgħu jużaw it-tagħmir sportiv li hemm fiċ-ċentru.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita`, Mario Galea, qal li dan huwa pass ieħor fil-promozzjoni tal-ħajja attiva qalb l-anzjani. Hu saħaq li r-realta` illum turi li qed ngħixu fi żmien fejn qed nitkellmu dwar ir-raba’ fażi tal-ħajja, dik tar-raba’ eta`. Għalhekk huwa importanti li s-servizzi ipprovduti fiċ-ċentru jirriflettu din ir-realta`. F’dan il-kuntest qed tingħata attenzjoni għall-affarijiet li huma żgħar imma għandhom l-importanza tagħhom, u f’dan iċ-ċentru l-anzjani se jiġu offruti taħriġ informali dwar l-użu effettiv tal-mobile, l-internet, l-ATMs u oħrajn.
L-Onor Galea qal li dan id-day centre se jkun is-17-il wieħed f’pajjiżna u li l-anzjani li se jiġu hawn se jingħaqdu ma’ aktar minn elf anzjan ieħor li jattendu d-day centres differenti. Hawnhekk se jissoċjalizzaw, jitgħallmu ħiliet ġodda u fuq kollox jibqgħu attivi. Hu ħabbar ukoll li fi ftit ġimgħat oħra se jinfetaħ in-night shelter taż-Żejtun, u li ftit wara se jinfetaħ night shelter ieħor proprju fil-Mellieħa.
L-Onor Galea ħabbar li f’parti mid-Dar il-Madonna tal-Mellieħa se jinfetaħ respite centre, bil-ħsieb li jkun ta’ għajnuna għal min jieħu ħsieb xi anzjan jew anzjana u jkun irid, per eżempju, isiefer għal xi jiem.
Stqarrijiet Oħra:
PR261991
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...
PR261990