Left arrow Go Back

IFFIRMAT IL-FTEHIM MAL-KUMPANIJA PALUMBO: INVESTIMENT ĠDID LEJN TARZNA PRODUTTIVA U LI TIRRENDI

PR1031
Date Icon 03/06/2010

Il-ftehim iffirmat illum bejn il-Gvern u l-kumpanija Taljana Palumbo u l-investiment li din il-kumpanija se tkun qed tagħmel fir-riġenerazzjoni tal-faċilitajiet ta’ tiswija tal-vapuri, għandhom iwasslu biex din l-ażjenda tkun produttiva u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u għal ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’pajjiżna.

Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, l-Onor. Tonio Fenech waqt konferenza tal-aħbarijiet fl-okkażjoni tal-iffirmar tal-ftehim milħuq dwar il-kirja tal-faċilitajiet tat-tiswija tal-vapuri bejn il-Gvern u l-kumpanija Palumbo.

Il-Ministru Tonio Fenech spjega kif it-termini tal-offerta finanzjarja ta’ Palumbo lil Gvern jinkludu pagament ta’ €18-il miljun kif ukoll kirja, fuq 30 sena, li tlaħħaq is-€72.6 miljun, għal total ta’ €90.6 miljun. Dan l-ammont jinħadem għal €52.7 miljun meta kkalkulat fuq bażi ta’ net present value.

Barra minn hekk, il-kumpanija Taljana se tkun qed tinvesti sostanzjalment kemm fil-makkinarju u l-infrastruttura, kif ukoll fil-ħaddiema tal-faċilità. Fil-fatt, skond il-pjan kummerċjali preżentat, l-investiment kapitali se jlaħħaq total ta’ €31.6 miljun, li jikkonsisti f’nefqa kapitali ta’ €23.5m fl-ewwel ħames snin f’titjib fl-infrastruttura u l-makkinarju, biex dawn ilaħħqu standards teknoloġiċi ogħla, kif ukoll f’aktar minn €3 miljuni fi programmi ta’ taħriġ mill-ġdid.

Il-Ministru Tonio Fenech iddeskriva l-iffirmar ta’ dan il-ftehim bħala kapitlu ġdid fl-istorja tat-Tarzna, fejn l-impenn personali tal-investitur u l-investiment finanzjarju li se jkun qed jagħmel f’din l-ażjenda, se jwasslu biex din ma tibqax tiddependi mis-sussidji u ssir kontributur importanti għall-ekonomija Maltija.  Tonio Fenech tkellem ukoll dwar l-importanza li l-ażjenda se tibda titmexxa minn kumpanija b’esperjenza ta’ 40 sena fis-settur tat-tiswija tal-vapuri.

Barra t-Tarzna f’Napli, il-kumpanja Palumbo fl-aħħar snin kienet ukoll ħadet responsabbiltà ta’ tarzna oħra f’Messina li, minn stat ta’ falliment u abbandun, illum reġgħet ħadet il-ħajja, għandha numru ta’ kuntratti importanti u tlaħħaq livell ta’ użu tal-baċiri ta’ madwar 98%.

Il-ftehim kien iffirmat f’isem il-Gvern mis-Sur Albert Mamo, Kummissarju tal-Artijiet u mis-Sur Palumbo nnifsu f’isem il-kumpanija Taljana.

Għall-iffirmar attenda wkoll is-Segretarju Parlamentari għal Negożji Żgħar u Artijiet, l-Onor.  Jason Azzopardi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL  Tittella’ r-raba’ edizzjoni ta’ Porkilicious: inizjattiva li tgħaqqad il-gastronomija u s-sostenibbiltà tal-ikel mal-appoġġ għall-Malta Community Chest Fund

PR261991

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AGRIKOLTURA, IS-SAJD U L-PROVVISTA TAL-IKEL ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  “L-intelliġenza artifiċjali għandha tkun għodda mħaddma tajjeb, filwaqt li qatt ma tista’ tieħu r-rwol fundamentali tal-edukaturi” – Il-Ministru Byron Camilleri fi Brussell

PR261990

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT “L-intelliġenza arti...

More Press Releases Right arrow